Lokali Parlament

Appell lill-Ministru Zammit Lewis biex jisma’ mill-operaturi kollha tat-turiżmu

Id-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo appella lill-Ministru għat-Turiżmu Zammit Lewis jinħall mill-kriżi li jinsab fiha fl-implimentazzjoni tat-taxxa ta’ 50ċ fuq kull turist billi ma jibqax ostaġġ tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti (MHRA) u jibda jitkellem u jisma’ lir-rappreżentanti kollha tal-industrija tat-turiżmu.

Meta tkellem il-lejla fil-Parlament fil-ħin tal-Aġġornament, Robert Arrigo qal li l-MHRA tirrappreżenta 45% tal-industrija u filwaqt li l-Ministru għandu jisma’ mill-membri wkoll tal-MHRA, għandu jikkosulta wkoll mal-kumplament tal-istakeholders l-oħrajn wara li l-introduzzjoni ta’ din it-taxxa ġie pospost diġà mill-1 ta’ April għall-1 ta’ Ġunju.

Irrimarka li filwaqt li l-Oppożizzjoni taqbel fil-kunċett ta’ din it-taxxa li kienet proposta wkoll mill-amministrazzjoni Nazzjonalista, min qabel kien ħadem biex kisser din il-proposta llum qed jaħdem favur l-introduzzjoni tagħha.

Id-Deputat Nazzjonalista fisser li din it-taxxa li se tapplika wkoll għall-Maltin li jżuru Għawdex, se tolqot ukoll madwar 1,700 familja li jilqgħu l-istudenti barranin, li se tfisser €2 kuljum għal kull familja, ammont li hu ħafna għal dawn il-familji li se jiżdidulhom ukoll l-ispejjeż amministrattivi marbuta mal-ġbir ta’ din it-taxxa li se tkun reġistrata wkoll mad-Dipartiment tal-VAT.

Diżġwid fl-aqwa staġun għall-industrija tat-turiżmu
Robert Arrigo sejjaħ bħala froġa l-mod kif qed tiddaħħal din it-taxxa fuq it-turist, meta fisser li se tkun qed toħloq diżġwid fl-aqwa staġun għall-industrija bejn Ġunju u Ottubru meta t-taxxa tista’ tibda tiddaħħal f’Novembru u mhux f’Ġunju.

Semma eżempji prattiċi li se jkunu qed joħolqu diffikultajiet fit-tħaddim tagħha u li dwarha t-turisti se jkunu qed jistaqsu ħafna dwarha meta m’hemmx l-istruttura meħtieġa biex l-awtoritajiet tal-Gvern ikunu jistgħu jirrispondu u jagħtu l-informazzjoni 24 siegħa kuljum meta l-industrija tiffaċċja lill-klijenti tagħha kuljum u f’kull mument tal-ġurnata.

Appella għal Avviż Legali b’rabta mal-introduzzjoni ta’ din it-taxxa li jirrispetta l-liġijiet ta’ pajjiżna. Irrimarka li l-Avviż Legali għandu jinħareġ wara xahren ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders. Saħaq li sal-lum, la hemm Avviż Legali u lanqas diskussjoni mal-istakeholders kollha għaliex l-aħħar laqgħa li kienet se ssir ġiet kanċellata. Ġibed l-attenzjoni tal-Ministru li l-Avviż Legali kulħadd jista’ jisfidah, u dan jafuh ukoll il-konsulenti tal-Gvern.

Robert Arrigo tkellem ukoll dwar il-pożizzjoni differenti li qed tieħu l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex (GTA) għaliex hemm l-aċċettazzjoni li se tkun involuta mal-MHRA fl-infiq tal-flus li se jidħlu minn din it-taxxa.

Appella biex it-taxxa tġi posposta u ma tidħolx kif irid il-Gvern, u tibda tiddaħħal gradwalment mill-kuntratti u bookings li se jibdew jidħlu.

L-amministrazzoni tal-fondi mit-taxxa wkoll hu mċajpar
Quddiem dan id-diżgwid u l-inċertezza, Robert Arrigo qal li l-mod kif se jiġu amministrati l-fondi minn din it-taxxa wkoll hu mċajpar. M’hemmx assigurazzjoni li t-taxxa se tkun qed tintefaq fejn se tkun titħallas.

L-aħħar appell ta’ Robert Arrigo lill-Ministru Zammitt Lewis kien biex joħroġ mill-kaxxa tal-MHRA u jisma’ lil kulħadd għax saħaq li kulħadd irid jgħin biex ikunu mħaddma regoli ġusti għal kulħadd.

Appell ieħor mid-Deputat Ċensu Galea biex jinvolvi lill-Kunsilli Lokali fl-infiq tal-fondi
Wara l-appelli tad-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo, tkellem ukoll id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea li qal li kien qiegħed jappella għar-raba’ jew il-ħames darba lill-Gvern biex fid-deċiżjoni dwar l-infiq ta’ dawn il-fondi minn din it-taxxa, jinvolvi wkoll lill-kunsilli lokali.