Editorjal

EDITORJAL: Gvern ta’ Mossack Fonseca

Il-11-il miljun dokument tal-kumpanija korrotta fil-Panama, Mossack Fonseca, u li ħarġu fl-akbar skandlu dinji ta’ ħasil ta’ flus ġejjin minn korruzzjoni u kriminalità, illum saru disponibbli għal kull min fid-dinja jrid ifittex f’dawn id-dokumenti. Dan wara li t-370 ġurnalist li ilhom aktar minn sena jinvestigaw dawn il-11-il miljun dokument f’107 organizazzjonijiet internazzjonali tal-midja kienu diġà, aktar minn xahar ilu, semmew b’isimhom lil dawk il-politiċi jew nies ta’ poter madwar id-dinja li huma involuti f’dan l-akbar skandlu internazzjonali.

Il-Gvern ta’ Joseph Muscat l-aktar milqut, fin-nies…
L-iskandlu dinji tal-Panama wieħed jista’ jargumenta li l-aktar li laqat mill-gvernijiet kollha madwar id-dinja hu proprju lill-Gvern Laburista Malti, il-Gvern ta’ Joseph Muscat. Imsemmijin f’dan l-iskandlu bħala nies bil-poter f’idejhom jew qrib ħafna tal-poter hemm tlieta min-nies li huma kollha qrib ħafna ta’ Joseph Muscat u li kollha qegħdin miegħu fil-Berġa ta’ Kastilja:
· il-prim ministru wara l-Prim Ministru, Keith Schembri, li Joseph Muscat għamlu l-aktar bniedem b’poter fil-gvern tiegħu – l-il il-leminija tiegħu – u li ilu qrib Joseph Muscat minn meta kienu żgħar;
· l-id ix-xellugija tal-Prim Ministru, Konrad Mizzi, li Joseph Muscat għamlu responsabbli għall-oqsma kontroverjsali tax-xiri taż-żejt u tal-power station il-ġdida u li minnhom ħierġa xamma qawwija ta’ ħmieġ; u
· ħabib ieħor personali ta’ Joseph Muscat, Brian Tonna ta’ Nexia BT, il-kumpanija rappreżentanta ta’ Mossack Fonseca f’Malta minn wara l-elezzjoni, li Joseph Muscat tah post biex ipoġġi proprju f’Kastilja.

…fiż-żmien u fil-ġrajjiet
Ir-rabta ta’ Joseph Muscat ma’ dan l-iskandlu ma tiġix biss mit-tlieta min-nies tant qrib tiegħu f’Kastilja imma wkoll miż-żmien u mill-ġrajjiet. Il-kumpanija ta’ ħabib Joseph Muscat bdiet tiftaħ il-kumpaniji sigrieti u l-kontijiet sigrieti tal-eqreb nies tal-Prim Ministru propju ġranet wara l-aħħar elezzjoni ġenerali. U l-eqreb nies ta’ Joseph Muscat għamlu dak li l-Australian Financial Review, fl-aktar artiklu riċenti tagħha dwar l-iskandlu tal-Panama u Kastilja, sejħet ‘odissea sħiħa’ – żmien twil ta’ tfittxija – f’disa’ banek biex jiftħulhom kont sigriet għall-kumpaniji sigrieti li kienu diġà fetħu fil-Panama.

…u fil-kompliċità
Il-Gvern ta’ Joseph Muscat hu l-aktar milqut mill-iskandlu ta’ Mossack Fonseca fil-Panama wkoll għax il-Prim Ministru ma aġixxiex, anzi wera b’għemilu li hu kompliċi. F’pajjiżi oħrajn, politiċi li spjegaw minn fejn ġabu l-flus irriżenjaw xorta waħda. L-awtoritajiet f’diversi pajjiżi qed jinvestigaw lil Mossack Fonseca. It-Times, erba’ passi minn Kastilja, f’parti mill-allegazzjonijiet dwar l-id il-leminija tal-Prim Ministru, aġixxiet mill-ewwel, keċċiet u qed tinvestiga. Imma fil-Gvern ta’ Joseph Muscat, mhux talli ma sar xejn minn dan, talli l-Prim Ministru aġixxa b’gideb u b’difiża qawwija ta’ sħabu f’Kastilja li jwasslu għall-konklużjoni li hu kompliċi.

Gvern ta’ Mossack Fonseca
Waqt li d-dinja kollha issa – kull bniedem b’aċċess għall-internet – jista’ jifli d-dokumenti li ħarġu fl-akbar skandlu ta’ korruzzjoni internazzjonali permezz ta’ kumpanija korrotta fil-Panama, Joseph Muscat hu tant involut li f’Malta għandna Gvern ta’ Mossack Fonseca.