Fi tliet snin u xahrejn il-Gvern Laburista ma sabx ħin biex jerġa’ jaħtar il-Bord li jieħu ħsieb it-tmexxija tad-Dwejra f’Għawdex – post tant importanti għall-gżira Għawdxija.
Il-Ministru Josè Herrera kkonferma fil-Parlament li l-aħħar li ltaqa’ dan il-Bord kien fl-2012 – kważi erba’ snin ilu.
Ix-Shadow Minister għal Għawdex, Chris Said, ilu għal dawn l-aħħar xahrejn jistaqsi dwar jekk il-Management Board tad-Dwejra f’Għawdex fi ħdan dik li kienet l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, għadux jiffunzjona, u jekk għadu jiffunzjona min huma l-membri ta’ dan il-Bord u meta l-aħħar li ltaqa’.
F’dan il-Bord kien hemm rappreżentanti tal-istakeholders kollha – fosthom il-Ministeru għal Għawdex, il-MEPA, il-Kunsill Lokali u l-Awtorità ta’ Malta dwar it-Turiżmu (MTA).
Fil-bidu ta’ Marzu li għadda, ix-Shadow Minister Chris Said staqsa dwar l-eżistenza ta’ dan il-Bord lill-Prim Mnistru Muscat, bit-tweġiba kienet li t-tagħrif kien qed jinġabar.
Meta reġgħet tressqet l-istess mistoqsija aktar tard fl-istess xahar, il-Prim Ministru wieġeb b’mod differenti u talab lix-Shadow Minister iressaq il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, Josè Herrera, wieġeb għal din il-mistoqsija u qal li l-Awtorità tal-Ambjent u r-Rizorsi għadha ma ħatritx Bord ġdid. Il-Management Board tad-Dwejra f’Għawdex imwaqqaf mill-MEPA ltaqa’ l-aħħar fl-2012.
//= $special ?>