Il-Korea ta’ Fuq ikkonkludiet il-Kungress tal-Partit tal-Ħaddiema (Komunista), li kien l-ewwel wieħed għal 36 sena fil-pajjiż u li kkonsolida l-poter assolut tal-Mexxej, Kim Jong-un. Dan il-Mexxej Komunista, intant, spikka waqt rally li għalaq il-Kungress fi Pyongyang u li fih ħadu sehem mijiet ta’ eluf ta’ nies.
Il-Kungress serva biex isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Kim Jong-un li issa għandu r-rwol ta’ Chairman tal-Partit tal-Ħaddiema. Dan fost rapporti li Kim Yo-jong, li hi oħt Kim Jong-un, ġiet eletta għall-kumitat amministrattiv ta’ dan il-Partit.
Iċ-Ċina bagħtet messaġġ ta’ kongratulazzjoni lil Kim Jong-un għall-pożizzjoni ġdida tiegħu, għalkemm hi ma kenitx irrappreżentata fi Pyongyang. Analisti qalu li ‘n-nuqqas ta’ preżenza Ċiniża’ seta’ kien relatat mal-fatt li Beijing mhux kuntent bl-indikazzjonijiet li l-Korea ta’ Fuq qed taħseb biex twettaq prova nukleari oħra.
Il-kariga ġdida għal oħt Kim Jong-un kienet mistennija meta din hi diġà influwenti bħala viċi-direttur tad-Dipartiment għall-Propaganda ta’ pajjiżha. Sadanittant, il-preżenza tagħha fil-kumitat ċentrali ta’ Pyongyang titqies bħala dimostrazzjoni oħra tal-konsolidazzjoni tal-poter madwar ħuha.
Il-Kungress fi Pyongyang approva wkoll il-politika nazzjonali għall-iżvilupp tal-kapaċità nukleari li mistenni jimxi id f’id mal-iżvilupp ekonomiku. Waqt ir-rally fi Pyongyang, Kim Jong-un deher ixejjer lill-folol hu u jitkellem ma’ uffiċjali militari u tal-partit; bl-eluf tan-nies jimmarċjaw fil-pjazza ewlenija tal-kapitali fost tixjir ta’ bnadar u bżieżaq u fejn spikkaw ukoll il-karrijiet imżejna bil-mudelli ta’ missili.
//= $special ?>