Internazzjonali

L-Italja: Arrestati Iżlamisti Afgani li kienu qed jippjanaw attakki fl-Ewropa

Il-Pulizija fil-belt ta’ Bari arrestat żewġ irġiel Afgani fuq suspett li huma kienu qed jippjanaw attakki ‘bħala parti minn jihad ( gwerra qaddisa Iżlamika)’ fl-Italja, Franza u r-Renju Unit. Is-servizzi tas-sigurtà Taljani, intant, għadhom qed ifittxu għal tliet Afgani oħra, meta mifhum li tnejn minnhom setgħu rritornaw l-Afganistan.

Numru ta’ filmati u ritratti fuq it-telefons ċellulari tal-arrestati jissuġġerixxu li huma kienu qed jippjanaw attakki fl-ibliet ta’ Bari, Ruma, Pariġi u Londra. Jidher li fost il-miri potenzjali kien hemm lukandi fil-West India Quay u r-Royal Victoria Dock ta’ Londra.

Iż-żewġ arrestati kienu identifikati bħala Hakim Nasiri, ta’ 23 sena u Gulistan Ahmadzai, ta’ 29 sena. Il-pulizija aktar tard ħarġu ritratti li wrew lil Nasiri qed jippoża b’azzarin quddiem stabbiliment.

L-indikazzjonijiet huma li ż-żewġ irġiel kienu qed jaħsbu wkoll biex jattakkaw iċ-Ċirklu Massimu u l-Kolossew ta’ Ruma. Dan meta l-awtoritajiet ma jeskludux li l-Afgani ffurmaw entità terroristika marbuta mal-ISIS.

Ritratt ieħor fuq wieħed mill-mowbajls tal-arrestsati wera moskea f’Mecca bil-kulur blu u t-Torri Eiffel ta’ Pariġi bil-kulur vjola ‘li hu assoċjat mal-mewt u sitwazzjoni ta’ taqbida’.

Iż-żewġ suspettati kienu qed jgħixu l-Italja taħt l-istatus ta’ persuni protetti għal raġunijiet umanitarji. Intant, Nasiri qed ikun akkużat dwar terroriżmu internazzjonali waqt li Ahmadzai qed jissemma b’konnessjoni mal-immigrazzjoni illegali.

Huma nqabdu mill-pulizija waqt li kienu qed jiġbdu ritratti ta’ kumpless kummerċjali , l-ajruport u z-zona tal-port fil-belt ta’ Bari.