Lokali

L-RIU isalvaw raġel wara nirien li bdew minn saqqu

Anzjan ta’ 84 sena lbieraħ filgħaxija kien salvat min-nirien li ħakmu d-dar tiegħu bl-għajnuna tar-Rapid Intervention Unit filwaqt li bintu ta’ 49 sena ndarbet gravi fl-istess inċident. Il-każ seħħ ftit qabel l-10pm fi Triq San Pietru u San Pawl, l-Isla.

Jidher li r-raġel inqabad fis-sular ta’ fuq tad-dar tiegħu wara li saqqu ħa n-nar. Kif ra li ma setax joħroġ, ħareġ fil-gallarija jgħajjat għall-għajnuna.

Numru ta’ ġirien minnufih ippruvaw jassistuh sakemm waslu r-Rapid Intervention Unit li eventwalment niżlu lir-raġel bl-għajnuna tal-istess ġirien.

Sadattant, it-tifla tiegħu rnexxielha toħroġ mid-dar waħidha. Madankollu, filwaqt li tim mediku kkonkluda li l-missier ma kien sofra ebda ġrieħi, il-bint ittieħdet l-Isptar Mater Dei minħabba ħruq f’diversi partijiet ta’ ġisimha. Hemmhekk, hi kienet iċċertifikata li sofriet ġrieħi ta’ natura gravi.

In-nirien intfew mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.