Internazzjonali

Lejn żjara storika ta’ Obama f’Hiroshima

Il-President tal-Istati Uniti, Barack Obama, se jżur il-belt Ġappuniża ta’ Hiroshima bħala parti minn żjara li hu se jagħmel fl-Asja bejn il-21 u t-28 ta’ Mejju, u li tinkludi anki waqfa fil-Vjetnam.

B’hekk, Obama se jsir l-ewwel Mexxej Amerikan fil-kariga li jivvjaġġa lejn Hiroshima li, lejn l-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija, sfat mira ta’ bomba nukleari li kien tefa’ ajruplan tal-qawwiet tal-ajru Amerikani.

L-attakk fuq Hiroshima, fis-6 ta’ Awwissu tal-1945, kien qatel 140,000 persuna. L-istraġi, l-istess bħal attakk nukleari simili li seħħ jiem wara fuq il-belt Ġappuniża ta’ Nagasaki, kienet xprunat it-tmiem tal-ostilitajiet fil-Paċifiku waqt it-Tieni Gwerra, ftit xhur biss wara li kienet ċediet l-eks-Ġermanja Nażista.

Filwaqt li l-eks -Amerikan Jimmy Carter kien żar Hiroshima, snin ilu, iż-żjara tiegħu seħħet meta kien spiċċa mill-White House.

Stqarrija minn Washington qalet li Obama għandu jagħmel iż-żjara storika f’Hiroshima flimkien mal-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe, bl-iskop li hu jenfasizza l-impenn kontinwu lejn il-paċi u l-prosperità f’dinja ħielsa mill-armi nukleari.