Il-maġġoranza tal-Britanniċi fis-settur tan-negozju qed jaħsbu biex jivvutaw ħalli jibqgħu fl-Unjoni Ewropea ladarba jsir ir-referendum dwar il-futur tar-Renju Unit, fit-23 ta’ Ġunju.
Il-British Chambers of Commerce (BCC) qal li 54 fil-mija tal-2,200 membru li kienu suġġetti għal stħarriġ, f’April, qalu li jridu li pajjiżhom ikompli jifforma parti mill-UE. Iċ-ċifra, intant, kienet stabbilita madwar is-60 fil-mija fi stħarriġ simili li kien sar fi Frar. Il-BCC hi entità nazzjonali ta’ 52 kamra tal-kummerċ akkreditati madwar ir-Renju Unit li tirrappreżenta eluf ta’ negozji kbar, żgħar u ta’ daqs medju.
Jidher ukoll li kważi n-nies kollha – madwar 90 fil-mija – li wieġbu għall-istħarriġ, qalu li ma tantx hemm ċans li huma, issa, jibdlu l-ħsieb sakemm isir ir-referendum.
Sadanittant, Adam Marshall, bħala d-Direttur Ġenerali temporanju tal-BCC, qal li ‘filwaqt li maġġoranza assoluta tan-negozjanti u nies oħrajn fil-kummerċ qed ikomplu jesprimu preferenza għal sħubija fl-Unjoni Ewropea, hu minnu li, fl-aħħar ġimgħat, naqas id-distakk bejn il-kamp Remain (favur li r-Renju Unit ikompli bħala Stat tal-Unjoni) u l-kamp tal-Leave (tal-Britanniċi li jridu jinqatgħu minn mal-grupp ta’ pajjiżi).
Fost il-kumpaniji l-aktar disposti li jivvutaw biex ikomplu fl-UE hemm id-ditti kbar u oħrajn li għaddejjin bil-kummerċ ma’ swieq oħrajn tal-Unjoni.
//= $special ?>