Lokali

Filmat: Nistennew azzjoni mill-Prim Ministru – Simon Busuttil

Kif kien mistenni, ilbieraħ filgħaxija l-Konsorzju Internazzjonali ta’ Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ) ippubblika lista ta’ 200,000 entità internazzjonali li jissemmew fil-leak tad-ditta Mossack Fonseca.

F’konferenza tal-aħbarijiet b’reazzjoni għal dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil elenka l-aktar punti importanti li joħorġu mill-Panama Papers.

Simon Busuttil qal li issa għandna konferma li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri għandu kumpaniji sigrieti mhux biss fil-Panama, iżda anke fil-British Virgin Islands. Dan wara li diġà ġie żvelat ix-xahar li għadda li anke Konrad Mizzi għandu kumpanija sigrieta fil-Panama. Hu fakkar li l-kumaniji fil-Panama nfetħu (1) għalihom personali (2) waqt li kienu f’kariga ta’ poter (3) biex ipoġġu fihom is-senseriji u (4) intrabtu li jiddepożitaw €1 miljun fis-sena fil-kont bankarju.

Simon Busuttil kompla li d-ditta Nexia BT fetħet tliet kumpaniji fil-Panama f’temp ta’ ġimgħa: Egrant fit-8 ta’ Lulju 2013, Hearnville l-għada d-9 ta’ Lulju u Tillgate fil-15 ta’ Lulju. Illum nafu li Hearnville hi ta’ Konrad Mizzi u Tillgate ta’ Keith Schembri, iżda tibqa’ l-mistoqsija l-kbira ta’ min hi t-tielet kumpanija. Saħaq li minħabba l-implikazzjonijiet gravi, hu talab lill-awtoritajiet jinvestigaw biex isiru jafu ta’ min hi din it-tielet kumpanija.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna li fil-lista tal-bieraħ ma hemm ħadd mill-Grupp Parlamentari jew Uffiċjali tal-Partit li hu sid ta’ kumpanija fil-Panama jew il-British Virgin Islands, la direttament u lanqas indirettament. L-uniċi żewġ politiċi f’pajjiżna li għandhom kumpanija huma Konrad Mizzi u Keith Schembri. Fil-lista jissemma’ l-eks Ministru Ninu Zammit, li kien diġà ssemma’ fi SwissLeaks is-sena li għaddiet u li dwaru, Simon Busuttil qal li Zammit kien diġà ġie sospiż mill-Partit.

Dwar id-diversi ditti legali u ta’ Awdituri li joffru servizzi finanzjarji f’pajjiżna, fosthom dik li kien involut fiha u llum m’għadux Francis Zammit Dimech u l-kumpanija li hemm fiha involuta Ann Fenech, li t-tnejn ilhom snin joffru servizzi finanzjarji lill-klijenti tagħha iżda li m’hemmx kumpaniji tagħhom.

Għalhekk, l-involviment ta’ Francis Zammit Dimech u Ann Fenech m’huwiex involviment ta’ Ministru li fetaħ kumpanija għalih innifsu meta kien Ministru, iżda sempliċement li bħala Avukati, id-ditti tagħhom taw servizz lil ħaddieħor, kif jagħmlu d-ditti legali u ta’ Awdituri kollha f’pajjiżna.

Waħda mid-ditti ta’ Awdituri hi Nexia BT ta’ Brian Tonna, li fetħet it-tliet kumpaniji fil-Panama għal Konrad Mizzi, Keith Schembri u għal persuna oħra. Simon Busuttil qal li fil-każ ta’ Brian Tonna, hemm kunflitt ċar ta’ interess minħabba li dan għandu uffiċċju f’Kastilja u hu l-Konsultent Finanzjarju ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. Għaldaqstant, Brian Tonna ma jistax jibqa’ aktar involut f’Kastilja, saħaq Simon Busuttil.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet Simon Busuttil qal li issa li l-Panama Papers ġew żvelati, m’hemmx aktar skuża biex il-Prim Ministru jieħu l-azzjoni meħtieġa. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qed jistenna li sabiex ikun jista jkompli jiggverna mingħajr suspetti, l-Prim Ministru għandu jkeċċi lil Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Hu għal kollox inaċċettabbli f’pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, speċjalment pajjiż li se jieħu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea f’Jannar li ġej, li jkollok Ministru u Chief of Staff tal-Prim Ministru li jżommu posthom minkejja li fetħu kumpanija fil-Panama waqt li kienu fil-poter. Aktar ma l-Prim Ministru jdum ma jifhem dan il-punt, aktar se ssir ħsara lil pajjiżna, saħaq Simon Busuttil.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li bħala Oppożizzjoni, jistenna wkoll li l-awtoritajiet Maltin iwettqu dmirhom u jinvestigaw l-implikazzjonijiet kollha ta’ dak żvelat fil-Panama Papers biex jaraw li l-Liġi ta’ pajjiżna tiġi mħarsa mill-aspett ta’ korruzzjoni, ta’ ħasil ta’ flus, ta’ dikjarar ta’ taxxa u anke ta’ evażjoni ta’ taxxa.

Simon Busuttil għamilha ċara li l-Opożizzjoni mhux qed tirrikonoxxi l-awtorità u l-integrità tad-deċiżjonijiet li jieħdu Konrad Mizzi u Keith Schembri, tant li tistenna li kulma għamlu u ddeċiedew s’issa jiġi investigat bla aktar dewmien mill-awtoritajiet.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li minkejja li għaddew kważi 24 siegħa minn meta ħarġu l-aħħar Panama Papers, minflok rajna Prim Ministru serju li jieħu r-riedni tas-sitwazzjoni f’idejh u jindirizzaha immedjatament, ma smajna xejn. Mhux talli hekk, talli biex jgħatti xturu, il-Partit Laburista qed iħawwad u jħarref meta jgħid li anke esponenti tal-Partit Nazzjonalista għandhom kumpaniji fil-Panama.

Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti li tintrefa’ r-resonsabbiltà politika, kif wieħed jistenna f’pajjiż Ewropew u demokratiku.