Internazzjonali

Raġel bi ‘problemi psikoloġiċi’ jattakka lin-nies ġo stazzjon tal-ferrovija fil-Ġermanja

Il-Pulizija fil-Ġermanja qed tinvestiga attakk li seħħ kiesaħ u biered fuq persuni fl-istazzjon tal-ferrovija ta’ Grafing, fejn raġel armat b’sikkina spiċċa joqtol persuna filwaqt li ħalla wkoll numru ta’ midruba.

L-istazzjon jinsab fil-Lvant ta’ Munich u Uffiċjali fl-Istat ta’ Bavarja qalu li l-aggressur responsabbli qed isofri bi problemi psikoloġiċi, meta għandu wkoll il-vizzju tad-droga.

L-ewwel rapporti qalu li dan ir-raġel, dalgħodu, attakka erba’ persuni fl-istazzjon u li wieħed mill-vittmi tiegħu miet aktar tard l-isptar minn ġrieħi fatali. Mifhum ukoll li persuna fost il-midruba kienet qed tiġġieled għal ħajjitha.

Ftit wara l-attakk, il-pulizija fl-inħawi rnexxielhom irażżnu u jarrestaw Ġermaniż ta’ 27 sena li qed jgħin bl-istħarriġ tagħhom. Għalkemm xi xhieda fl-istazzjon, għall-bidu, qalu li r-raġel inkwistjoni beda jgħajjat u jfaħħar lil Alla b’lingwa Għarbija, kelliema għall-Ministeru tal-Intern fil-Bavarja sostnew li ma kellhomx provi li l-attakk fuq in-nies kien motivat minn xi simpatiji ma’ militanti Iżlamiċi.

Qed jingħad ukoll li l-aggressur suspettat ġej miz-zona ta’ Hessen, fiċ-ċentru tal-Ġermanja.

Il-Ministeru għall-Intern tal-Bavarja, Joachim Herrmann, fisser l-attakk fl-istazzjon bħala azzjoni terribbli iżda qal li mhemm l-ebda sinjali li l-aggressur ġej minn xi familja ta’ immigranti. Herrmann, fl-istess ħin, insista li ma nstabu l-ebda provi ‘li jistgħu huma relevanti għas-sigurtà tal-Istat’.