Lokali

Rebħa għal-libertà tal-espressjoni

Billboard tal-Partit Nazzjonalista - Ritratt mill-Arkivji

L-Imħallef Jacqueline Padovani Grima llum tat raġun lill-Partit Nazzjonalista u waqqfet lill-Gvern ta’ Joseph Muscat milli jneħħi l-billboards tal-Partit Nazzjonalista.

L-ordni li dawn jitneħħew kienet ingħatat wara li fl-ewwel deċiżjoni tagħha, is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri qabdet u biddlet il-Liġi biex il-billboards tal-Partit Nazzjonalista jsiru illegali u jkollhom jitneħħew.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li temmen li l-Avviż Legali se joħnoq u jxekkel id-dritt fundamentali u inaljenabbli tal-Partit Nazzjonalista, li bħala partit politiku u Oppożizzjoni jwassal messaġġ politiku. U għalhekk li din is-sentenza qed titqies bħala waħda favur il-libertà tal-espressjoni.

Minbarra l-Mandat ta’ Inbizzjoni, il-Partit Nazzjonalista diġà ressaq ukoll Mozzjoni Parlamentari biex jiġi revokat l-Avviż Legali 103 tal-2016.

Ladarba rebaħ id-dritt, kif stqarr pubblikament ftit tal-jiem ilu, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed ineħħi l-billboard tiegħu li jinsab quddiem is-Swar fil-Belt. Il-Partit Nazzjonalista skuża ruħu għall-inkonvenjent li dan il-billboard seta’ kkawża.

Għall-Partit Nazzjonalista dehru l-Avukati Karol Aquilina u Jason Azzopardi.