Għajnejn l-Amerikani issa daru fuq il-primarji ta’ Nebraska u West Virginia, meta s-Senatur minn Vermont, Bernie Sanders, għadu qed jipprova jostakola lil Hillary Clinton, il-kandidat rivali tal-Partit Demokratiku, li hi favorita kbira li tikseb in-nomina tal-partit biex tikkuntesta għall-Presidenza tal-Istati Uniti.
Mistenni li Sanders imur tajjeb fl-Istat ta’ West Virginia minkejja l-vantaġġ kbir ta’ Clinton fost id-delegati Demokratiċi. Fil-fatt, is-Senatur veteran għamilha ċara li l-kamp tiegħu ‘se jiġġieled sal-aħħar vot’ u sakemm joħroġ il-verdett finali tal-partit.
Intant, Hillary Clinton u Donald Trump, il-kandidat ewlieni tal-Partit Repubblikan, diġà qed iħarsu ‘l quddiem għat-taqtigħa finali ta’ Novembru li tiddeċiedi l-Presidenza tal-Istati Uniti.
Il-primarji f’Nebraska u West Virginia, huma anki l-ewwel proċessi mindu l-aħħar rivali ta’ Trump fil-kamp Repubblikan, ċedew l-isfida għan-nomina tal-partit.
Illum Trump qed jipprova jgħaqqad il-Partit Repubblikan wara staġun ta’ primarji diffiċli fejn spikkaw id-differenzi kbar bejnu u l-kandidati rivali.
Ħafna mexxejja ewlenin Repubblikani, fosthom is-Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Paul Ryan, qed jirrifjutaw li jappoġġjaw il-kandidatura ta’ Trump fejn qalu li n-negozjant biljunarju ma jirrappreżentax il-valuri konservattivi. Dan meta Trump igawdi ftit li xejn popolarità man-nisa, il-Latini u l-Afrikani Amerikani.
Min-naħa tagħha, Hillary Clinton tista’ ssofri l-effett ta’ kummenti li għaddiet f’Marzu f’West Virginia fejn – hi u tindirizza issues tal-ambjent – qalet li riedet twassal għall-għeluq tal-kumpanniji tal-faħam. Il-kumpanniji huma fost l-aktar entitajiet li jimpjegaw nies f’West Virginia u l-messaġġ ta’ Sanders dwar ‘ugwaljanza ekonomika’ mistenni jinżel tajjeb mar-residenti ta’ wieħed mill-ifqar Stati fil-pajjiż.
//= $special ?>