Il-proċess tal-impeachment kontra l-President tal-Brażil Dilma Rousseff jidher li qabad spinta ġdida wara li l-Aġent Speaker tal-Kamra t’Isfel tal-Parlament Brażiljan irtira d-deċiżjoni sorpriża preċedenti biex il-vot kruċjali jkun sospiż.
L-iSpeaker, Waldir Maranhao, ma tax raġuni għal dan il-u-turn li seħħ anqas minn 24 siegħa wara li hu kien sejjaħ biex isir vot ieħor għall-impeachment ta’ Rousseff, li hi membru tal-Partit tal-Ħaddiema Brażiljan. Is-Senat fi Brażilja, issa, mistenni li jivvota għada dwar proċess għall-impeachment tal-President Rousseff u jekk hi titlef, għandha tispiċċa sospiża għaż-żmien kollu li jdum għaddej il-proċess.
Dilma Rousseff qed tiffaċċja allegazzjonijiet li l-Gvern tagħha abbuża r-regoli fiskali, meta hi qed tgħid li din hi prattika komuni fil-Brażil. Fl-aħħar sigħat, saru numru ta’ rallies minn gruppi favur l-impeachment tal-President u oħrajn li jopponu għall-proċess.
Id-deċiżjoni preċedenti ta’ Maranhao biex iħassar il-vot tas-17 ta’ April fil-Kamra t’Isfel tal-Parlament kien deher li ħarbat il-proċess lejn l-impeachment ta’ Rousseff. Hu sostna li kienu saru l-irregolaritajiet waqt is-sessjoni fejn il-membri vvutaw bi ħġarhom biex il-proċess ikompli. L-Aġent Speaker spjega li l-membri tal-Kamra t’Isfel tal-Parlament ma messhomx iddikjaraw pubblikament il-pożizzjoni tagħhom qabel il-vot u li ‘l-kapijiet tal-partiti żbaljaw’ meta ħarġu direttivi lid-deputati dwar kif iridu jivvutaw.
Sadattant, ftit hemm dubju li l-aħħar żviluppi kontroversjali taw bixra drammatika oħra lill-kriżi politika fil-Brażil. Dan meta, ftit jew wisq, żdiedet il-konfużjoni dwar x’għandu jsir ’il quddiem.
//= $special ?>