Ambjent

Studju dwar l-Impatt Ambjentali fil-każ tal-Fuel Depot hu kruċjali

Studju dwar l-Impatt Ambjentali (EIA) huwa kruċjali qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar il-proposta tat-trasferiment tal-faċilitajiet għall-ħażna tal-fuel tal-Enemed minn Birżebbuġa lejn Ħas-Saptan fil-limiti ta’ Ħal Għaxaq.

Biex tkun tista’ tittieħed deċiżjoni infurmata, dan l-iżvilupp għandu jkun suġġett għall-istudji kollha neċessarji minħabba l-impatt li se jkollu fuq l-inħawi. Aktar u aktar meta s-sit – li jintuża regolarment għal skopijiet ta’ rikreazzjoni – hu klassifikat bħala zona ta’ importanza ekoloġika u xjentifika, kif identifikat fil-Pjan Lokali għan-Nofsinhar ta’ Malta. Dan ifisser li l-abitat naturali tiegħu hu wieħed partikolari li għandu jiġi mħares.

Apparti minn dan; kif jesiġu r-Regolamenti tal-2007 dwar l-‘Environmental Impact Assessments’ (Sezzjoni 7.6.2.6 dwar il-kostruzzjoni ta’ fuel servicing stations ġodda) li jaqgħu taħt l-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp u l-Att dwar il-Ħarsien tal-Ambjent; f’każi bħal dawn, irid bilfors isir Environmental Planning Statement (EPS).

Kif jirrikonoxxi l-Project Description Statement (PDS) stess, dan l-iżvilupp li qed jiġi propost fuq art agrikola f’nofs wied u zona rurali se jkollu impatt konsiderevoli li jolqot diversi aspetti ambjentali u għalhekk mhux aċċettabbli li b’xi mod jiġi eżentat mill-istudji neċessarji. Għalkemm is-sit f’Ħas-Saptan diġà jilqa’ infrastruttura għall-ħażna tal-fuel, ħafna mill-istrutturi eżistenti jinsabu taħt l-art kuntrarju għall-faċilitajiet li qed jiġu proposti.

Sew BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa u Nature Trust (Malta) kif ukoll diversi entitajiet oħrajn, fosthom il-Kunsill Lokali tal-Gudja, qajmu numru ta’ oġġezzjonijiet għal dan it-trasferiment u ressqu sottomissjonijiet tekniċi dettaljati.

Fis-sottomissjonijiet tagħhom, dawn kienu argumentaw li zoni bħal dawn jinħtieġu protezzjoni minħabba l-importanza tagħhom sew mill-aspett ekoloġiku kif ukoll f’termini ta’ landscape b’karatteristiċi u valur xjentifiku li jinkudu speċi indiġeni għall-gżejjer Maltin u oħrajn uniċi għar-reġjun tal-Mediterran. L-istess tliet NGOs issa qed jappellaw lill-Awtorità tal-Ippjanar u lill-Awtorità l-ġdida tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex jiskartaw kull possibbiltà li jingħata xi waiver fuq il-ħtieġa li jsir Studju dwar l-Impatt Ambjentali (EIA).

L-Awtorità għandha r-responsabbiltà li tħares dawn is-siti u għalhekk għandha l-obbligu li tiżgura li l-Enemed tirrispetta l-kriterju tal-istudji ambjentali qabel ma jitwettaq il-proġett. Dan apparti li trid tiżgura li l-abitat naturali ma jintlaqatx b’dan l-iżvilupp, u fejn ikun hemm il-probabbiltà li dan iseħħ, jittieħdu dawk il-miżuri kollha possibbli biex tilqa’ għal dan u taċċerta li d-danni ambjentali jiġu indirizzati.

BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa u Nature Trust (Malta) jibqgħu tal-fehma li s-sit propost mhux adattat għall-bini ta’ fuel depot u jħeġġu għal reviżjoni tal-Project Description Statement. Id-dokument innifsu hu kritiku dwar l-importanza ambjentali ta’ din iz-zona u l-impatt ekoloġiku qawwi li se jirriżulta minn dan l-iżvilupp u għalhekk wieħed ma jifhimx għalfejn intgħażel dan is-sit. Dan apparti l-fatt li ma ġew ippreżentati l-ebda siti alternattivi mingħajr l-ebda ġustifikazzjoni valida.

Pereżempju, l-alternattiva ta’ Bengħajsa tista’ tkun waħda ideali u m’għandhiex tiġi mwarrba sempliċiment għax is-sit mhux proprjetà tal-Enemed jew għax ma fihx l-infrastruttura meħtieġa.

Dan apparti li jeżistu alternattivi oħra, inkluż fil-viċinanzi stess, fejn hemm sit identifikat bħala miżbla li fuqu hemm numru ta’ avviżi ta’ infurzar minħabba l-użu illegali tiegħu.

Minbarra l-qerda ta’ siġar protetti u t-telf ta’ art agrikola, l-iżvilupp ta’ dan is-sit se jġib miegħu wkoll storbju waqt il-fażi ta’ kostruzzjoni u l-iskavar. Hemm ukoll riskju ta’ kontaminazzjoni tal-art u tal-ilma kif ukoll riskju ta’ skart perikoluż u leakages mit-tankijiet tal-fuel infushom. Dan, naturalment, minbarra r-riskji għas-saħħa tal-bniedem li jġib miegħu żvilupp fuq din l-iskala.

Finalment, BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa u Nature Trust (Malta) qed isejħu wkoll għal studju serju dwar is-sigurtà u studju komprensiv dwar l-impatt fuq it-traffiku fl-inħawi minħabba ż-żieda fit-trakkijiet li se jiġġenera ta’ kuljum dan l-iżvilupp li minbarra l-faċilitajiet tal-ħażna nfushom, se jinkludi wkoll faċilitajiet anċillari u twessigħ tat-toroq tal-inħawi li fihom hemm ukoll numru ta’ binjiet rurali.