Il-President tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia ddikjara li s-Surġent Maġġur Eugenio Caruana ammetta li għamel kummenti fuq Facebook kontra membri tal-Oppożizzjoni meta kien għadu assenjat fid-distrett u filwaqt li qal li ma jistax jindaħal lill-Kummissarju tal-Pulizija fit-tqassim tal-membri tal-Korp, se jkun qed jassigura li l-membri kollha nkarigati mis-sigurtà jwettqu dmirhom bl-akbar rispett lejn din l-ogħla istituzzjoni u kif hu mistenni minnhom irrispettivament mill-opinjoni politika personali.
F’ruling li ta l-Ispeaker fil-bidu tas-seduta tal-lejla, Anġlu Farrugia investiga t-talba tal-Oppożizzjoni fuq membru tal-Pulizija li ġie assenjat b’xogħol fil-Parlament.
Il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, David Agius, fis-seduta tal-bieraħ talab lill-Ispeaker li din il-persuna li għaddiet kummenti kontra x-Shadow Minister Claudette Buttigieg, tiġi rtirata mix-xogħol tagħha fil-Parlament għax dan mhux aġir ta’ persuna fdata li tħares is-sigurtà tal-membri parlamentari.
Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Ispeaker qal li x-Shadow Minister Claudette Buttigieg għaddiet kopja tal-kummenti li għadda dan il-membru fil-Korp kontra tagħha, u bagħat għal Eugenio Caruana li ammetta li kien għamel dik il-kitba, imfissra mill-Ispeaker bħala kkulurita, fuq account li kellu fuq Facebook meta kien għadu assenjat fid-distrett, u li llum għalaq dan l-account fuq Facebook.
Filwaqt li qal li Eugenio Caruana ngħata promozzjoni għal Surġent Maġġur fis-6 ta’ Mejju, u kien infurmat li ġie assenjat b’xogħol fil-Parlament is-Sibt li għadda mid-distrett ta’ Bormla, l-Ispeaker qal li wissieh li issa li ġie assenjat mas-sigurtà tal-Parlament m’għandux jagħmel kummenti ta’ dik ix-xorta u li għandu jaqdi dmirijietu b’rispett sħiħ lejn il-Parlament, id-deputati kollha u l-ħaddiema f’din l-ogħla istituzzjoni.
//= $special ?>