Lokali Qorti

Akkużat li kkaġuna serq u ħsara fuq l-istabbiliment Chick King fil-Mosta

Paul Joseph Cachia ta’ 24 sena residenti f’San Pawl il-Baħar dalgħodu tressaq mill-Ispettur Nicholas Vella akkużat li lbieraħ filgħodu għall-ħabta tas-1a.m. seraq madwar €2,000 mill-istabbiliment Chick King fi Triq il-Kostituzzjoni fil-Mosta.

Hu kien akkużat ukoll li fl-istess post u ħin ikkaġuna ħsara fuq il-cash register u oġġetti oħra fl-istabbilimenti liema ħsara tammonta għal iktar minn €232.29 iżda inqas minn €2,500. Cachia kien akkużat ukoll li hu reċidiv.

Paul Joseph Cachia wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih.

Meta talab għall-ħelsien mill-arrest, l-Avukat difensur Andy Ellul qal li l-klijent tiegħu qed isegwi programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga mal-Caritas u qed jattendi sessjonijiet regolari għand il-psikjatra Mark Xuereb u pproduċa wkoll ċertifikati ffirmati mill-istes psikjatra.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli laqgħet it-talba għall-liberta’ proviżorja fuq depożitu ta’ €400 u garanzija personali ta’ €2,000 u mponiet numru ta’ kundizzjonijiet fosthom li ma jersaqx lejn l-ebda stabbiliment ta’ Chick King fil-gżejjer Maltin, impjegati tagħhom u l-propjetarji.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Isptettur Nicholas Vella filwaqt li Paul Joseph Cachia kien assistit mill-Avukat Andy Ellul.