Żewġt irġiel ingħataw il-liberta’ proviżorja taħt numru ta’ kundizzjonijiet meta dalgħodu tressqu quddiem il-Qorti akkużati li f’Novembru li għadda wettqu serqa ta’ sigaretti, ġojjelli u flus kontanti minn garaxx ta’ residenza fl-Iklin u li l-valur tagħha jammonta għal madwar €70,000.
Quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, iż-żewġ akkużati Kevin Tabone electrician ta’ 40 sena residenti Santa Luċija u Johan Pace ta’ 39 sena mill-Belt Valletta u li bħalissa hu mingħajr impjieg, wieġbu mhux ħatja tal-akkużi kontrihom.
Meta saret it-talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-biża’ ta’ intralċ tal-provi fiż-żewġ każi u oġġezzjonat b’mod partikolari għall-ħelsien mill-arrest ta’ Pace minħabba li kien instab ħati ta’ reati oħra fil-passat u l-Pulizija kellha diffikulta li ssib lill-istess Pace minħabba li l-Karta tal-Identita’ tiegħu ma turix l-indirizz reali fejn qed jgħix l-akkużat.
L-Avukat Ġiannella De Marco, li qed tidher għal Kevin Tabone, qalet li l-klijent tagħha għandu xogħol stabbli, iħaddem in-nies u għandu kondotta nadifa. Filwaqt li ċaħad l-akkużi kontrih, hu kkollabora mal-Pulizija. Barraminhekk, minn Novembru sa issa, il-Pulizija wriet fiduċja fih billi tatu l-police bail u għaldaqstant temmen li anki l-Qorti tista’ tafdah.
L-Avukat Joe Giglio, li qed jassisti lil Johan Pace, sostna li f’dawn l-aħħar sitt xhur minn meta seħħ l-allegat reat, il-Pulizija ma lmentatx mill-intralċ ta’ provi u xhieda u għaldaqstant staqsa għaliex għandha tressaq din l-oġġezzjoni llum. Dwar il-fedina penali, l-Avukat Giglio qal li dan kien każ wieħed li seħħ ħafna żmien ilu.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest liż-żewġ akkużati b’depożitu ta’ €1,000 kull wieħed u garanzija personali ta’ €3,000 fir-rigward ta’ Kevin Tabone u €4,000 fil-każ ta’ Johan Pace.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Arthur Mercieca u Sandra Zammit. L-Avukati Giannella De Marco u Joe Giglio qed jassistu lil Tabone u Pace rispettivament filwaqt li l-Avukat Charlon Gouder qed jidher parte civile għall-vittma.
//= $special ?>