Editorjal

EDITORJAL: Il-konferma ta’ sidien ta’ kumpaniji sigrieti f’Kastilja

Mela issa bil-konferma: f’Kastilja hemm żgur tlieta min-nies ta’ poter politiku qawwi li huma sidien ta’ kumpaniji sigrieti fil-Panama li fetħuhom permezz tal-kumpanija korrotta Mossack Fonseca u li fetħuhom wara li Joseph Muscat sar Prim Ministru. Daqstant hi gravi l-informazzjoni li kompliet toħroġ nhar it-Tnejn aktar ma t-370 ġurnalist internazzjonali taw dettalji dwar il-11-il miljun dokument li l-akbar whistleblower dinji ħareġ mill-kumpanija korrotta Panamjana Mossack Fonseca.

Kumpaniji sigrieti wara li Muscat tela’ fil-poter
L-informazzjoni li kompliet ħierġa t-Tnejn filgħaxija tikkonferma li l-id il-leminija tal-Prim Ministru f’Kastilja, Keith Schembri, għandu kumpaniji sigrieti fil-British Virgin Islands li diġà dwarhom it-Times keċċiet lil min kien involut miegħu u qed tinvestiga, u wkoll fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama wara li Muscat tela’ fil-poter.

Ta’ min hi t-tielet kumpanija sigrieta?
Nhar it-Tnejn komplejna nikkonfermaw li din ta’ Keith Schembri hi waħda minn tliet kumpaniji sigrieti li l-ħabib tal-Prim Ministru, Brian Tonna, fetaħ flimkien fil-Panama wara li Joseph Muscat sar Prim Ministru. It-tieni hi tal-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Konrad Mizzi, u t-tielet waħda Joseph Muscat għad irid jgħid ta’ min hi ladarba s-sidien tal-ewwel tnejn qegħdin miegħu f’Kastilja.

Miljun dollaru kull sena
Dak li hu qawwi ħafna f’dan l-iskandlu dinji hu l-involviment kbir ta’ Kastilja ta’ Muscat; il-fatt li l-kumpaniji sigrieti nfetħu wara li Muscat sar Prim Ministru u allura meta ħadd f’Kastilja ma seta’ jkollu dħul sostanzjali ħlief il-paga; u l-fatt li jdejn Muscat il-leminija u x-xellugija riedu jiftħu kont tal-bank għall-kumpaniji li fih kienu se jpoġġu miljun dollaru kull sena li gidbu diversi drabi dwar minn fejn kienu se jiġu.

Ħabib ta’ Muscat f’Kastilja ma’ Mossack Fonseca
Nhar it-Tnejn kompla ħiereġ ukoll kif Kastilja mhix biss involuta bil-kbir b’idejn it-tnejn ta’ Joseph Muscat – il-leminija u x-xellugija – bħala sidien ta’ kumpaniji sigrieti imma wkoll bil-ħabib li Joseph Muscat qallu jpoġġi f’Kastilja, Brian Tonna, li wkoll għandu kumpaniji sigrieti apparti li fetaħ dawk ta’ jdejn Muscat it-tnejn.

Prim Ministru li qed imexxi l-aktar Gvern korrott
Imma, kif inhu prevedibbli u mistenni, Joseph Muscat – li definittivament qed imexxi l-aktar Gvern korrott fl-istorja politika tagħna – flok jaġixxi kontra jdejh it-tnejn u kontra ħabibu f’Kastilja sidien biċ-ċar ta’ kumpaniji sigrieti, qed jipprova jdaħħal fil-kredu nies li lanqas biss issemmew fl-iskandlu tal-Panama, li m’għandhom assolutament l-ebda kumpanija sigrieta kif għandhom sħabu ta’ Kastilja, imma sempliċiment kienu mqabbdin għax dak kien xogħolhom – u meta ma kinux fil-poter – jagħtu xi pariri jew jimmaniġġjaw xi kumpaniji reġistrati Malta, jerġa’.

Għal Joseph Muscat, l-avukat isir ħati mal-akkużat
Il-metafora eċċellenti li ntużat biex tispjega x’qed jagħmel Joseph Muscat hu li qed iqis l-avukat tal-akkużat bħala ħati wkoll, meta ma’ saqajh f’Kastilja mhux avukati għandu imma l-akkużati nfushom, għal wieħed tlieta.

L-aktar Gvern involut fl-akbar skandlu
U dan ukoll ikompli jikkonferma li Muscat b’imġibtu qed juri li hu kompliċi f’dan l-akbar skandlu dinji li l-aktar involut fih hemm proprju l-Gvern ta’ Joseph Muscat bi tlieta min-nies miegħu f’Kastilja sidien ta’ kumpaniji sigrieti fil-Panama.