Fis-16 ta’ Mejju, f’nofsinhar ħin ta’ Malta, dawk kollha li jħobbu n-natura fl-Ewropa se jkunu qed iwasslu l-messaġġ permezz ta’ Facebook jew Twitter li d-Direttivi tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar l-Għasafar u l-Abitat Naturali huma kruċjali biex nipproteġu n-natura tagħna u li hemm bżonn ta’ implimentazzjoni aktar effettiva tagħhom minflok li jiġu mdgħajfa.
Dan se jsir bl-użu tat-Thunderclap li hija għodda qawwija li permezz tagħha fuq perjodu ta’ ġimgħat kienu qed jinġabru d-diversi messaġġi li mbagħad jintbagħtu kollha f’daqqa f’messaġġ wieħed f’ġurnata u ħin partikolari. Qisu għandek eluf ta’ nies qed jgħajtu f’daqqa, aktar milli kull wieħed għal rasu u f’mumenti differenti biex il-messaġġ li jitwassal ikun aktar b’saħħtu u effettiv!
Għaliex #NatureAlert Thunderclap fis-16 ta’ Mejju?
Fil-ġimgħat li ġejjin, hu ppjanat li l-Kumissjoni Ewropea se tkun qed tippubblika l-konklużjoni tagħha dwar l-hekk imsejjaħ fitness check dwar id-Direttivi tan-Natura.
Għalhekk dan hu ż-żmien propizju biex infakkru lill-Kummissarju Ewropew tal-Ambjent Karmenu Vella u lis-27 Kummissarju l-ieħor kollegi tiegħu li ċ-ċittadini tal-UE jemmnu li dawn id-direttivi qed jaqdu l-funzjoni tagħhom u hemm bżonn li tittieħed azzjoni konkreta. Wara li jiġi ppubblikat dan il-fitness check, il-Kummissjoni għandha mill-ewwel tibda taħdem fuq it-triq ‘il quddiem – jiġifieri tfassal proposta għall-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn il-liġijiet.
F’pajjiżna, BirdLife Malta ngħaqdet mal-imsieħba internazzjonali tagħha BirdLife International u BirdLife Europe biex tippromwovi din il-kampanja. Il-vuċi tal-Maltin tista’ tkun waħda deċiżiva minħabba li l-Kummissarju Ewropew responsabbli minn dan il-qasam inzerta li huwa Malti.
Għaldaqstant, nistednuk tingħaqad mat-Thunderclap tagħna nhar it-Tnejn li ġej 16 ta’ Mejju f’12pm biex tgħinna nsalvaw in-natura billi nsejħu lil Karmenu Vella biex minn #NatureAlert immorru għal Azzjoni. Tista’ żżur l-ħoloq ta’ hawn taħt għal aktar dettalji, fosthom il-paġna tat-Thunderclap ta’ BirdLife Malta.
Is-sena l-oħra l-kampanja #NatureAlert immobilizzat aktar minn 520,300 ruħ biex jesprimu l-appoġġ tagħhom għad-Direttivi tan-Natura. Dan kien messaġġ b’saħħtu lill-istess Kummissarju Vella u t-tim tiegħu li f’Diċembru, imbagħad, twassal ukoll mill-ministri tal-ambjent tal-UE miġburin f’laqgħa tal-Kunsill, u wara – fi Frar – kien adottat ukoll mill-Parlament Ewropew.
Sew il-ministri kif ukoll l-ewroparlamentari qablu li l-implimentazzjoni tad-Direttivi Ewropej tan-Natura hi kruċjali biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropea dwar il-Biodiversità sas-sena 2020.
Kun #NatureAlert u fis-16 ta’ Mejju appoġġja din is-sejħa!
Ħoloq għal aktar dettalji:
https://www.thunderclap.it/projects/41693-from-naturealert-to-action?locale=en
http://birdlifemalta.org/be-part-of-the-naturealert-thunderclap/