Il-Gvern qed ikompli jikkonferma l-inkompetenza tiegħu u qed juri li mhux kapaċi jħaddem sew il-fondi Ewropej biex dawn ikunu tal-akbar benefiċċju għall-poplu Malti u Għawdxi.
Saħaq dan fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista, hekk kif il-ġurnal The Times żvela li proġett ieħor kien identifikat biex jingħata fondi Ewropej għal faċilitajiet ġodda fl-MCAST għall-istudenti tal-Institute of Applied Science and Business.
Madankollu, il-fondi Ewropej mhux se jkunu jistgħu jintużaw biex jinxtraw faċilitajiet ġodda għax il-Gvern kaxkar saqajh, għadda ż-żmien u issa l-fondi identifikati ma jistgħux jintużaw għal dan l-iskop.
Ix-Shadow Minister għall-Affarijiet Ewropej u Barranin Roberta Metsola qalet li dan hu Gvern li mhux iffukat fuq il-prijoritajiet u l-ħtiġijiet tal-poplu. It-telf ta’ fondi għall-istudenti tal-MCAST mhux l-ewwel każ fejn il-Gvern tellef bl-aktar mod kapriċċuż il-fondi Ewropej għal proġetti partikolari.
Min-naħa tagħha, ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Therese Comodini Cachia qalet li l-fondi Ewropej huma dawk li taw ċans lil Malta tagħti l-aħjar strutturi, proġetti, riżorsi edukattivi u makkinarju li tant għandna bżonn biex l-istudent jingħata l-ogħla livell ta’ taħriġ f’ambjent xieraq.
It-telf ta’ fondi Ewropej fi proġetti edukattivi jċaħħdu lill-Għalliema u lill-istudenti mir-rispett li jixirqilhom, filwaqt li jtappan il-prijorità li l-edukazzjoni għandha tingħata minn kull partit fil-Gvern. Sostniet li dan l-aħħar każ jirrifletti nuqqasijiet serji fil-mod kif qed jiġi amministrat l-investiment fl-edukazzjoni f’pajjiżna.
Fir-reazzjoni tiegħu, il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li Gvern Laburista mhux kapaċi jammistra l-fondi li kien innegozja Gvern Nazzjonalista.
//= $special ?>