Ħaddiema impjegati mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES) se jkomplu jserrħu rashom u jkomplu jibgħatu lil uliedhom għall-programm SkolaSajf. Dan wara li, fil-jiem li għaddew, kienu esprimew it-tħassib meta marru jirreġistraw lil uliedhom għall-programm edukattiv matul il-vaganzi tas-Sajf.
Fi stqarrija, il-UĦM Voice of the Workers qalet li dawn il-ħaddiema kienu ltaqgħu ma’ sitwazzjoni xejn pjaċevoli għax intqalilhom li l-prezz tal-programm SkolaSajf ġie sussidjat u xorta jridu jħallsu l-miżata. Jidher li qabel kien hemm prassi fejn il-ħaddiema ma kienux iħallsu, iżda din is-sena l-affarijiet inbidlu f’daqqa waħda u l-ħaddiema tal-FES intqalilhom li jridu jħallsu wkoll.
Malli saret taf b’din is-sitwazzjoni, Isabelle Farrugia, Employment Relations Manager fi ħdan UĦM Voice of the Workers organizzat laqgħat mal-Kap Eżekuttiv tal-FES u mal-ħaddiema infushom, fejn intlaħaq qbil dwar arranġament li l-ħaddiema jħallsu miżata ta’ reġistrazzjoni ta’ €25 għall-programm. Intlaħaq qbil ukoll li jekk iridu jestendu s-sigħat u jagħmlu użu mill-programm Klabb 3-16 fis-Sajf u fix-Xitwa, il-miżati jitnaqqsu.
Isabelle Farrugia sostniet li dan l-arranġament hu ta’ sodisfazzjon għall-Union u anke għall-ħaddiema. Dan meta l-impjegati tal-FES joffru servizz lin-nisa li jħadmu u għalhekk huma wkoll għandhom jieħdu xi ħaġa lura billi isibu lil min jieħu ħsieb lil uliedhom.
//= $special ?>

