Il-Liġi li tindirizza l-problema tal-obesità approvata mill-Parlament b’unanimità bejn Gvern u l-Oppożizzjoni fuq l-inizjattiva li ħadet l-Oppożizzjoni, bdiet tħalli l-frott u nħatar il-Kumitat Interministerjali għal linji gwida biex nibdew naħdmu b’mod ħolistiku biex nindirizzaw il-problema tal-obesità. Twaqqfet ukoll task force klinika biex tagħti rakkomandazzjonijiet kliniċi.
Dwar il-passi li ttieħdu mill-Gvern wara li kienet approvata l-Liġi dwar Stili ta’ Ħajja Sana u Mard li Ma Jitteħidx, tkellem fil-Parlament il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, meta kien qiegħed iwieġeb mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar li kien hu li ressaq l-Abbozz ta’ Liġi f’isem l-Oppożizzjoni fil-Parlament.
41% tat-tfal tal-primarja u s-sekondarja għandhom piż żejjed
Chris Fearne spjega li għadu kif intemm studju fost it-tfal mill-primarja sas-sekondarja li minnu rriżulta li 41% tat-tfal għandhom piż żejjed jew li jbatu mill-kundizzjoni tal-obesità u 2% b’piż anqas.
Il-Kumitat Interministerjali hu maħtur, u ċ-Chairperson hi t-Tabiba Charmaine Gauci b’rappreżentanzi ta’ Ministeri oħrajn. Il-Kunsill mistenni jibda’ jiltaqa’ fil-ġimgħat li ġejjin. It-task force klinika hi mmexxija mill-Professur Victor Grech.
Bħalissa wkoll għaddejja kampanja favur dieta Mediterranja biex aktar familji jirrikorru għal din id-dieta b’ħafna vantaġġi.
Il-problema tal-obesità, flimkien ma’ dik tad-dimensja, huma fost l-aktar problemi kbar kroniċi fid-dinja li qed jinkwietaw lil kull min hu fil-qasam tas-saħħa pubblika, inkluż f’Malta.