Id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea appella lill-Ministru Michael Farrugia jiddikjara pożizzjoni ċara dwar il-ħruġ ta’ tenders għal proġett ta’ €50 miljun f’bini ta’ appartamenti għall-kiri, u talbu jispega kif xahar ilu ddikjara li ma ħarġu ebda tenders u li l-proġett għadu fl-istadju ta’ emendi tal-pjanti, u issa qed jgħid li nħarġu t-tenders għall-periti u se jibda x-xogħol ta’ skavar.
Fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista appella lill-Ministru jispjega, jekk veru ħarġu t-tenders, il-proċeduri li ntużaw fil-ħruġ tat-tenders għall-periti, u min u għaliex iddeċieda li juża l-periti privati u mhux tal-Awtorità. Ċensu Galea rrimarka li meta ma jkunx hemm pjanti finalizzati, lanqas ma jkun hemm permess.
Id-diskrepanzi fid-diskors tal-Ministru Michael Farrugia kienu elenkati mid-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea fid-dibattitu dwar l-estimi ta’ dħul u nfiq tal-Awtorità tad-Djar għall-2016.
Ċensu Galea rrifera lill-Ministru Michael Farrugia għal dak li qal f’risposta għal mistoqsija parlamentari li wieġeb fl-4 ta’ April li għadda. Dakinhar, il-Ministru Farrugia kien qal li n-numru ta’ appartamenti għadu ma jistax ikun żvelat minħabba li għadhom għaddejjin l-emendi fuq il-pjanti eżistenti u n-numru ta’ appartamenti jinbidel skont dawn l-emendi.
Il-Ministru Farrugia kien fisser ukoll fir-risposta tiegħu, li l-għażla finalment issir fuq is-siti li se jkunu shortlisted għal 16. Il-Ministru Farrugia kien iddikjara wkoll li ma kienet ħarġet ebda tender għall-bini ta’ dawn l-appartamenti, u li l-mira hi li x-xogħlijiet jibdew din is-sena.
Filwaqt li rrimarka li dan hu proġett tal-Gvern li ilu jinżamm sigriet u l-Gvern ma jridx jiżvela ħafna dwaru, Ċensu Galea staqsa wkoll jekk il-Gvern hux se juża s-servizzi ta’ periti privati fuq dan il-proġett tal-Gvern, u għaliex mhux se jintużaw periti tal-Awtorità tad-Djar.
Diskrepanzi wkoll fir-rapport finanzjarju tal-Awtorità tad-Djar
Dwar l-Estimi finanzjarji tal-Awtorità, Ċensu Galea kompla jelenka aktar diskrepanzi. Irrimarka li r-rapport tal-Kap Eżekuttiv fejn hemm dikjarat li s-sena finanzjarja li għaddiet kien hemm bilanċ ta’ €3 miljun, ma jirriflettix fir-rapport. Jirriżulta li hemm kważi €6 miljun żbilanċ meta hemm dħul ta’ €23.5 miljun u ħruġ ta’ €29. 3 miljun. Dan hu kuntrarju għal dak li jintqal fir-rapport meta jingħad li s-sena spiċċat b’bilanċ ta’ €3 miljun.
Tkellem ukoll dwar il-ftaħir li għamel il-Gvern f’dak li jgħid li hu r-ruħ soċjali ta’ dan il-Gvern. Semma kif fl-estimi għal din is-sena, id-dħul tal-Awtorità se jonqos b’€5 miljun. Se jkun hemm ukoll nefqa anqas ta’ €2 miljun.
Iżda jekk wieħed jara d-dettalji taċ-ċifri jsib diffikultajiet kbar għal dak li hu cost of housing sold, li min €11-il miljun se jonqsu għal €8 miljun. Is-sussidju fuq il-proprjetajiet li qed jinbiegħu wkoll se jonqsu minn €6.6 miljun għal €5.1 miljun. Għall-każi l-aktar problematiċi marbuta mas-sussidju fuq il-kera, il-ħlas ukoll se jonqos b’mitt elf ewro.
477 applikazzjoni ġdida għall-akkomodazzjoni soċjali fl-2015
Ikkritika l-għajta tal-Gvern li t-3,000 applikazzjoni pendenti għad-djar soċjali huma wirt tal-amministrazzjonijiet li għaddew. Ċensu Galea fisser li matul l-2015, kif jididkjara r-rapport, kien hemm 477 applikazzjoni ġdida. Ikkritika wkoll il-wegħda tal-Partit Laburista li se jkun qed iħares lejn housing sostenibbli għax iddikjara li housing sostenibbli ma jeżistix.
Liġijiet biex Gvern Laburista jerġa’ jkisser is-suq tal-kera?
Ċensu Galea saħaq ukoll għal spjegazzjoni dwar id-diffikultajiet li qed jitkellem dwarhom il-Gvern bejn l-ikwilin u s-sid tal-proprjetà, u li jkun ċara dwar xi jrid iisser meta jgħid dan il-kliem. Esprima t-tama li b’dan il-kliem ma jfissirx li l-Partit Laburista fil-Gvern se jerġa’ jgħaddi liġijiet li permezz tagħhom jaqta’ qalb lis-sidien Maltin jikru lil Maltin u barranin għaliex dak iż-żmien għadda. Fakkar li f’dawk iż-żminijiet il-pajjiż għaddha minn martirju meta nbidlu l-liġijiet tal-kera u kien qered is-suq tal-kera kollu kemm hu. Liġijiet li kieneu emendati fl-1995 u fl-2008 u li wasslu għal suq tal-kera b’saħħtu.
Appella lill-Gvern biex fl-ebda ħin b’dak li jrid jagħmel, ma jindaħal f’dak li huma kuntratti li saru tul is-snin bejn is-sid u l-kerrej, u dan biex ma niħdux lil pajjiżna lura fis-snin u nerġgħu nkissru s-suq tal-kera.
B’riferenza għall-appartamenti li biegħ il-Gvern, li jlaħħqu l-ammont ta’ 154, Ċensu Galea qal li skont iċ-ċifri ppubblikati dawn inbiegħu bi prezz medju ta’ €136,000. Staqsa jekk hux vera li dawn l-appartamenti nbiegħu b’dawn il-prezzijiet u kemm kien is-sussidju.
Bżonn ta’ soluzzjonijiet li jindirizzaw il-problemi soċjali tal-lum
Appella lill-Gvern biex lil hinn mis-slogans politiċi, isib is-soluzzjonijiet li jiggarantixxu għajnuna lil min veru għandu bżonn u min hu vulnerabbli. Semma kif fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar hemm problemi ta’ akkomodazzjoni soċjali li qed jitolbu għall-għajnuna u biex il-Gvern jifhem id-diffikultajiet marbuta ma’ problemi soċjali.
Appella biex inħarsu lejn is-soluzzjoni f’dan is-settur tal-akkomodazzjoni soċjali mhux billi nħasu lejn dak li sar fis-snin li għaddew, iżda billi nifhmu l-problemi tal-lum li huma differenti ħafna minn dawk ta’ ftit tas-snin ilu.
//= $special ?>