Internazzjonali

Il-Parlament Taljan jivvota favur l-unjoni ċivili

Wara dibattitu mqanqal u twil, il-Parlament Taljan appoġġja l-unjoni ċivili bejn il-koppji tal-istess sess f’vot ta’ fiduċja għall-Gvern tal-Prim Ministru Matteo Renzi.
It-tema kienet waħda kontroversjali ħafna fl-Italja fost oppożizzjoni kbira minn politiċi Kattoliċi, anki fl-istess gvern ta’ Renzi.
Il-Membri Parlamentari fil-Kamra tar-Rappreżentanti ivvutaw 369 favur u 193 kontra u żewġ astensjonijiet waqt il-vot tal-bieraħ.
Il-liġi se tagħti ħafna drittijiet ta’ koppji tradizzjonali miżżewġa imma mhux li jistgħu jadottaw it-tfal, u kull każ se jiġi evalwat individwalment mill-qrati.
Il-Gvern kellu jgħaqqad il-liġi ma’ vot ta’ fiduċja biex ikabbar iċ-ċansijiet li tgħaddi, l-istess bħal ma kien għamel fis-Senat fi Frar. Dan minħabba l-oppożizzjoni li kien hemm u li wasslet biex il-liġi tiġi emendata sew.