Fil-belt Tuneżina ta’ Ben Guerdane kien hemm l-inkwiet waqt strajk bi protesta għall-għeluq tal-qsim tal-fruntiera ta’ Ras Jedir mill-awtoritajiet Libjani.
Uffiċjali Libjani għalqu l-fruntiera għal kull kummerċ Tuneżin u issa qed tkun ikkunsidrata taxxa fuq prodotti Tuneżini li jidħlu fil-Libja. Ħafna bliet u rħula tul il-fruntiera, imma l-aktar Ben Guerdane, waħda mill-ifqar bliet fit-Tuneżija, jiddependu mill-kummerċ mal-Libja.
L-ekonomija tul il-fruntiera Libjana ħadet daqqa ta’ ħarta, anki minħabba l-attakki mill-militanti Iżlamiċi bbażati fil-Libja.
L-uffiċjali Libjani qalu li ħadu dan il-pass minħabba l-kuntrabandu li kien qed isir, l-aktar fil-fuel, li hu irħas fit-Tuneżija. L-isforzi għal soluzzjoni diplomatika s’issa ma swew għal xejn.