Daljinder Kaur, mara Indjana, saret omm ta’ 70 sena wara li kienet ilha sentejn tingħata trattament tal-IVF f’klinika tal-fertilità f’ Haryana.
Din kienet l-ewwel darba li Kaur ħarġet tqila waqt is-46 sena ta’ żwieġ.
Daljinder Kaur welldet ix-xahar li għadda.
Hemm ftit inċertezza dwar kemm għandha żmien l-omm peress li m’għandhiex ċertifikat tat-twelid – xi ħaġa komuni fl-Indja – imma l-indikazzjonijiet huma li hi għandha bejn 70 u 72 sena. Hi welldet tifel li jiżen żewġ kilogrammi u l-kundizzjoni tas-saħħa tiegħu ntqal li hi tajba u ngħata l-isem ta’ Arman.
Kaur, li hi miżżewġa lil Mohinder Singh Gill, li għandu 79 sena, qalet li kienet qatgħet qalbha li seta’ jkollha t-tfal u n-nies kienu jiżebilħu biha u kienet imwarrba mis-soċjetà minħabba f’hekk. Il-koppja kienu adottaw tifel imma dan kien mar jistudja l-Istati Uniti u qatt ma rritorna.
Minn din il-klinika diġà kien hemm preċedent simili ta’ mara ta’ età kbira tingħata t-trattament u twelled b’suċċess. Dan kien fl-2008 meta Rajo Devi Lohan saret omm għall-ewwel darba ta’ 70 sena. Kien ukoll każ ta’ omm ta’ 66 sena li welldet triplets.
Issir omm ta’ 70 sena
