Lokali Qorti

Jinżamm arrestat f’każ ta’ allegata vjolenza fuq is-sieħba tiegħu

Raġel ta’ 28 sena mill-Mosta ma ngħatax il-liberta’ proviżorja wara li dalgħodu tressaq quddiem il-Qorti akkużat fost oħrajn b’attentat vjolenti fuq il-pudur tas-sieħba tiegħu, li magħha għandu tliet ulied.

Quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, ir-raġel kien akkużat ukoll li bl-imġieba tiegħu kien qed jikkaġuna biża lis-sieħba tiegħu li se tintuża vjolenza fuqha jew fuq il-propjeta’ u qraba tagħha, li ħebb għaliha u li kellu arma fil-pussess tiegħu.

Ir-Raġel wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-biża’ li jagħmel kuntatt mal-vittma u l-ikbar wild tagħhom, li għad iridu jixhdu.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest u ħeġġet lill-prosekuzzjoni biex tressaq ix-xhieda tagħha mill-iktar fis.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Busuttil. L-Akkużat kien assistit mill-Avukat tal-għajnuna legali Yana Micallef Stafrace. L-Avukat Lara Dimitrejevic dehret parte civile għall-vittma.