L-Oppożizzjoni hi determinata li taħdem b’impenn mal-Gvern biex wara li fil-jiem li ġejjin tidħol fis-seħħ il-Liġi dwar id-Demanju Pubbliku approvata fil-Parlament b’mod unanimu u li ressqet l-Oppożizzjoni, jiġu identifikati mingħajr dewmien is-siti u l-proprjetajiet li għandhom jiġu dikjarati u ċertifikati bħala demanju pubbliku.
Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi għamel din id-dikjarazzjoni fil-Parlament wara li l-Ministru Josè Herrera, il-Ministru l-ġdid għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, għamel stqarrija ministerjali li fiha ħabbar li l-Liġi dwar id-Demanju Pubblika se tkun ippubblikata nhar il-Ġimgħa fil-Gazzetta tal-Gvern, u b’hekk tidħol fis-seħħ.
Aktar kmieni dan ix-xahar il-Parlament approva mill-aħħar stadju l-Abbozz ta’ Liġi tal-Oppożizzjoni li jissalgwardja l-wirt komuni ta’ pajjiżna għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada. L-iskop ta’ din il-liġi hu li jkun hemm liġi li tirregola l-klassifikazzjoni tal-proprjetà tal-Gvern.
Skop ieħor ta’ dan l-abbozz hu li l-liġi tiddistingwi bejn proprjetà pubblika u proprjetà fid-demanju pubbliku, bil-għan li jkun hemm liġi li tirregola b’mod ċar il-poteri tal-Gvern fuq dik l-art u d-dmirijiet tal-Gvern fuq l-istess art. Il-liġi tapplika għall-futur u bl-ebda mod ma taffettwa d-drittijiet tal-privat.
L-abbozz ta’ liġi kien ippreżentat lill-Ispeaker tal-Kamra f’April tas-sena l-oħra u tressaq aktar tard għall-Ewwel Qari mix-Shadow Minister tal-Ġustizzja, id-Demokrazija u d-Drittijiet taċ-Ċittadin, Jason Azzopardi. Ix-xogħol fuq dan l-Abbozz ta’ Liġi kien beda mill-amministrazzjoni preċedenti meta kienet ippubblikata White Paper li wassal għal Abbozz ta’ Liġi bi qbil mal-għaqdiet ambjentali u s-soċjetà ċivili. L-Oppożizzjoni llum kompliet taħdem fuq dak ix-xogħol li kien sar u ppreżentat hi l-Abbozz ta’ Liġi li fil-Parlament sab il-kunsens u ġie approvat.
Il-Ministru Herrera ddikjara li kien se jkompli jaħdem mal-Oppożizjoni fl-implimentazzjoni ta’ din il-liġi.
Il-membri tal-Oppożizzjoni li ħadmu fuq din il-liġi, ix-Sahdow Ministers Jason Azzopardi u Marthese Portell, flimkien mad-Deputati Ryan Callus u Antoine Borg, esprimew apprezzament għall-attitudni korretta tal-Ministru Herrera waqt li ddikjaraw li se jaħdmu b’impenn mal-Gvern biex din il-liġi tiġi implimentata fl-interess tal-poplu u tal-ġenerazzjonijiet futuri.
Jason Azzopardi rrimarka li l-Oppożizzjoni tilqa’ l-proposta ta’ aktar laqgħat mal-Gvern biex din il-liġi tiġi approvata u jkun hemm qbil fuq il-wirt storiku li għandhom jiġu kunsidrati bħala demanju pubbliku. Appella biex nistabbilixxu mingħajr dewmien dawk il-propjetajiet li għandhom jiġu dikjarati bħala demanju pubbliku.
Ix-Shadow Minister Marthese Portelli saħqet fuq l-importanza li l-lista ta’ proprjetajiet u zoni jiġu identifikati fl-aqsar żmien possibbli. Bħala eżempju semmiet il-proċess li għaddej ta’ rikolazzjoni tal-fuel depot li bħalissa jinsab f’wied ta’ importanza storika u ekoloġika.
Ryan Callus irrimarka u appella biex il-ħidma li qed issir bejn Gvern u Oppożizzjoni b’rabta ma’ din il-liġi ma tkunx eċċezzjoni, u għandha sservi ta’ opportunità biex il-Ministru l-ġdid juri li se jkun effettiv fil-qasam importanti tal-ambjent u jassigura li kemm jista’ jkun malajr din il-liġi tiġi mplimentata fl-interess tad-demanju pubbliku.
Antoine Borg saħaq fuq l-importanza ta’ din il-liġi għall-industrija tat-turiżmu u ssuġġerixxa lista ta’ postijiet u zoni li għandhom jiġu kunsidrati bħala demanju pubbliku fosthom il-Fiddien, Tas-Salib, l-Imtaħleb, il-Baħrija u Fomm ir-Riħ.
Il-Ministru Josè Herrera rrimarka fil-konklużjonijiet tiegħu, li l-Parlament għandu jkompli jaħdem biex innaqqsu l-konfrontazzjoni biex ikun hemm aktar koperazzjoni bejn Gvern u Oppożizzjoni, u wiegħed li se jibda jiddiskuti l-ideat tiegħu mal-Oppożizzjoni f’laqgħat li se jsejjaħ għal dan l-iskop.
//= $special ?>