Lokali

Meta wieħed ikun fil-Gvern għandu jieħu azzjoni fi ftit sigħat – Edward Zammit Lewis

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħa ġimgħat biex iddeċieda li ma jiddeċiedix fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri. Huma baqgħu jżommu l-karigi rispettivi tagħhom, minkejja li kienu nvoluti fl-iskandlu Panama Papers, fejn saħansitra nstab li huma sidien ta’ kumpaniji moħbija.

Iżda ironikament, waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Laburista, il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li meta wieħed ikun fil-Gvern għandu jieħu azzjoni f’temp ta’ ftit sigħat. Min-naħa l-oħra, skont Stefan Zrinzo Azzopardi, din il-konferenza tal-aħbarijiet issejħet għax il-Partit Laburista hu xxukkjat bil-lista li ħarġet fl-aħħar jiem.

Dan minkejja li, fil-verità, il-lista tikkonferma li Konrad Mizzi hu l-uniku Ministru fl-Ewropa involut fl-iskandlu tal-Panama Papers u li Keith Schembri għandu l-kumpaniji moħbija fil-British Virgin Islands.

Filwaqt li komplew bl-attakk tagħhom fil-konfront tal-professjonisti li isimhom jidher fil-listi mhux għax huma sidien tal-kumpaniji, iżda għax joffru s-servizzi tagħhom lill-kumpaniji b’mod regolari u konformi mal-Liġi, l-esponenti tal-Partit Laburista ħarbu milli jwieġbu dwar Brian Tonna, li l-kumpanija tiegħu kienet responsabbli mit-twaqqif ta’ 14-il kumpanija f’dawn il-pajjiżi.