Raġel ta’ 45 sena dalgħodu kien liberat mill-akkużi ta’ korruzzjoni ta’ xhud f’ġuri kontra ħuh. Mario Farrugia residenti Santa Venera, ma nstabx ħati li f’Novembru tal-2014, waqt li kien fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, ipprova jikkorrompi lil Faiz Omar Elsallak billi offrielu somma flus biex ibiddel ix-xhieda tiegħu f’ġuri fil-konfront ta’ Noel Farrugia, li jiġi ħu l-akkużat u li kien liberat f’dak il-ġuri partikolari. Anzi kien l-istess Faiz li talab il-flus mingħand l-akkużat biex ibiddel ix-xhieda tiegħu.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli, semgħet l-istqarrija ġuramentata ta’ Faiz Elsallak, li allegatament kien qala’ daqqiet ta’ sikkina minn Noel Farrugia f’Lulju tal-2010 u li fiha qal li kien avviċinat minn Mario Farrugia f’Novembru tal-2014 waqt li kien f’diviżjoni tnax tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin. Hu qal li Farrugia avviċinah billi bgħatlu risposta ma’ ċertu Walid Laouini sabiex jaraw kif se jixhed fil-ġuri. Faiz qal li Farrugia staqsieh kemm ried flus biex ibiddel ix-xhieda tiegħu għaliex bagħtitlu risposta ommu biex jagħmillu din l-offerta u hu wieġeb li ma kellux moħħ u li jitkellmu imbagħad. Wara jumejn reġa’ sejjaħlu u offrielu €5,000 u x-xhud m’aċċettax. Faiz kompla li wara ftit, reġa ġie avviċinat minn Farrugia u offrielu €10,000 bil-patt li jirranġaw l-affarijiet mal-avukat.Kompla li dan baqa’ sejjer minn jum għall-ieħor sakemm is-somma mwiegħda baqgħet tiela’ sa €30,000 u bil-kundizzjoni li l-avukat jgħidlu x’kellu jgħid fix-xhieda tiegħu waqt il-ġuri. Faiż xehed waqt il-proċeduri fejn irrepeta l-versjoni mogħtija fl-istqarrija.
Xehed ukoll Walid Laouini li qal li kien f’Diviżjoni 13 flimkien ma’ Faiz u mbagħad ġie trasferit f’Diviżjoni 12 fejn kien hemm l-akkużat Mario Farrugia. Farrugia staqsieh jekk jafx lil Faiz u staqsieh jekk jistax jirranġa miegħu sabiex jaqa l-każ li hemm fil-konfront ta’ ħuh Noel. Laouini kompla li meta qal lil Faiz, dan ma tantx ħa pjaċir u ma kienx lest jaħfirlu u xehed li l-akkużat offrielu l-flus u li l-offerta bdiet minn €5,000.
Xehdet Josephine Farrugia, omm l-akkużat fejn qalet li marret tara lil binha fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin u li mar wieħed ikellimha aktarx Libjan “bil-laqam Willy” li qalilha biex tagħti xi flus lil Faiz Elsallak sabiex jixhed il-verita’. Hi sostniet li qatt ma riedet tagħti xi flus u Faiz bagħtilha risposta oħra mal-akkużat Mario Farrugia b’telefon ta’ avukat biex iċċempel u teħodlu €15,000. Iżda Josephine Farrugia tenniet li qatt ma ċemplet lil ħadd.
L-Akkużat Mario Farrugia ħareġ żewġ stqarrijiet fejn hu ċaħad li bagħat risposta lil Faiz Omar Elsallak sabiex idawwar il-versjoni tiegħu fil-ġuri li kien se jinstema’ fil-konfront ta’ ħuh u li kien offrielu l-flus. Anzi, Farrugia stqarr li kien l-istess Faiz li bagħat lil Willi Walid sabiex jibgħat risposta lil ommu u tagħtih €15,000 sabiex jaħfer lil ħuh Noel. Farrugia qal li ommu kienet diġa’ taf lil Faiz fuq kwistjoni ta’ senserija u skont l-imputat kien daħak biha. Mario Farrugia kellem ukoll lil ħuh Noel dwar dan u qallu biex jinjorah. Fix-xhieda tiegħu, Mario Farrugia qal li kien avviċinat minn Tuneżin li kien fid-diviżjoni ma’ Faiz u qallu li Faiz ried €5,000 biex jixhed sew kontra ħuh. L-akkużat wieġeb li hu ma kellux x’jaqsam u Faiz bgħatlu risposta biex iċempel lil ommu. Farrugia qal li hekk għamel u qalilha biex tavża lill-avukati għaliex kien se jirrapporta l-każ.
Xehed ukoll l-Avukat Edward Gatt li qal li ftit jiem qabel ma beda jinstema’ l-ġuri, omm l-akkużat qaltlu li Faiz kien avviċina lil Farrugia biex jgħaddilha risposta biex jgħaddulu xi flus u hu jbiddel il-versjoni tax-xhieda tiegħu minn dik li ta waqt il-kumpilazzjoni. Hu qal li ma kienx jaf jekk Mario Farrugia għamilx rapport formali iżda min-naħa tiegħu, hu kien avża lill-uffiċjal prosekutur. L-Avukat Arthur Azzopardi qa li ftit ġranet qabel il-ġuri ta’ Noel Farrugia ċemplitlu omm l-akkużat li talbet li tkellmu b’ċertu insistenza għaliex l-Avukat tagħhom Edward Gatt kien imsiefer. Hi spjegat li l-allegat vittma tal-ġuri kien qiegħed jgħaddi messaġġi permezz ta’ terzi persuni sabiex jagħtuh €15,000. L-Avukat Azzopardi qallhom biex jinfurma lil Dr Gatt minnufih sabiex jieħu l-passi meħtieġa. Min-naħa tiegħu, hu wkoll informa lill-Avukat Gatt permezz ta’ sms.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li l-versjoni mogħtija mill-akkużat Mario Farrugia kienet iktar kredibbli u kienet dik veritier. Minn dak li rriżulta, huwa evidenti li ma kienx l-akkużat li pprova jikkorrompi lil Faiz Omar Elsallak. Anzi kien l-istess Faiz Elsallak li ried il-flus, u dan bl-għajnuna ta persuna oħra (Laouini) li xehdet ukoll waqt dawn il-proċeduri. Għaldaqstan, il-Qorti lliberat lil Mario Farrugia mill-akkuża ta’ korruzzjoni ta’ xhud u l-akkużi sussegwenti.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Arthur Mercieca filwaqt li l-Avukat Edward Gatt deher għal Mario Farrugia.
//= $special ?>