Lokali

Sqallija: Arrestati 107 b’rabta ma’ betting illegali – jissemma’ eks Spettur Malti

Il-Pulizija fl-Italja arrestaw iktar minn mitt persuna b’rabta ma’ betting illegali, bl-involviment ta’ Malta, bħala parti mill-inkjesta ‘Master Bet’.

Fost dawk li jissemmew f’din l-investigazzjoni hemm ukoll eks Spettur Malti li ma ssemmiex b’ismu, iżda siti fl-Italja qed jgħidu li kien jaħdem fis-sezzjoni ta’ kontra r-reati ekonomiċi qabel tneħħa u ġie arrestat minħabba inkjesta oħra.

Ġie arrestat ukoll Francesco Airò, ta’ 37 sena minn Agrigento, li hu nvolut f’din l-attività kriminali, għandu preċedent ta’ attività llegali u jinsab akkużat ukoll b’assoċjazzjoni ma’ persuni qrib il-Kamorra f’Salernitano. Jirriżulta li Airò għandu wkoll kumpanija li topera minn Malta.

‘Master Bet’ involviet uffiċjali tal-Pulizija minn numru ta’ bliet madwar l-Italja wara li nstabu seba’ siti onlajn li kienu jservu bħala pjattaformi għall-betting ilelgali. Dawn kienu bbażati f’Malta.

Il-Pulizija fl-Italja għal xi żmien kienet qed issegwi l-attività onlajn, kif ukoll interċettat telefonati, imejls u ġew segwiti numru ta’ suspettati.  Jidher li b’dawn l-arresti, il-Pulizija waqqfet ħidma llegali li kienet tirrendi miljuni kbar ta’ ewro fi dħul u nstab li kien hemm madwar 12,000 aġenzija li b’xi mod kienu nvoluti.