Simonds Farsons Cisk plc irreġistra sena oħra ta’ tkabbir b’saħħtu u profitabbli. Id-dħul totali għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Jannar 2016 laħaq l-€85 miljun, li jirrappreżenta tkabbir b’saħħtu ta’ 7.2% meta mqabbel mar-riżultati rekord miksuba s-sena li għaddiet.
Il-qligħ qabel it-taxxa mill-operat kontinwu żdied bi 22.8% għal €10.1 miljuni.
Il-prestazzjoni b’saħħitha għal din is-sena kienet influwenzata pożittivament minn ambjent ekonomiku dinamiku permezz ta’ sena rekord fl-ammont ta’ turisti u n-nefqa tagħhom u żieda fid-domanda għall-prodotti ta’ Farsons mill-konsumaturi. Il-Grupp kiseb ukoll titjib sinifikanti permezz tat-twettiq tal-istrateġija tiegħu f’żewġ oqsma, jiġifieri fl-innovazzjoni u l-esportazzjoni. Is-suċċess akbar fis-suq seħħ ukoll minħabba investimenti sinifikanti li l-Bord għamel f’dawn l-aħħar snin, fost l-oħrajn fir-riżorsi umani, fl-assi tal-operat u fl-istrateġiji tal-marketing.
Farsons bħalissa qed jagħmel investiment ta’ €27 miljun għal faċilità l-ġdida għall-ippakkjar tal-birra. Minbarra hekk, il-kumpanija għadha kif bdiet twettaq proġett ta’ estensjoni fiċ-Ċentru tal-Loġistika u l-blokka tal-amministrazzjoni li għandu jitlesta sa nofs is-sena 2017.
Iċ-Chairman tal-Grupp, Louis A Farrugia qal li “l-idea proposta ta’ riabilitazzjoni u l-bidla tal-bini tal-birrerija l-antika f’business park b’uffiċċji, parkeġġ għall-karozzi, ċentru tal-viżitaturi, wirja dwar l-istorja ta’ Farsons, kif ukoll ħwienet tal-ikel u xorb, hu investiment viabbli li jista’ jtejjeb il-valur għall-azzjonist”.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp Farsons, Norman Aquilina, qal li “l-Grupp Farsons, għal darb’oħra, kiseb prestazzjoni inkuraġġanti ħafna, b’titjib fir-riżultati sena wara l-oħra. Il-fatt li konna kapaċi niksbu riżultati daqshekk konsistenti matul is-snin li għaddew, minkejja kompetizzjoni ħarxa u dejjem għaddejja, ċertament tagħti kredibiltà lill-istrateġiji tagħna. Turi wkoll ir-rieda soda tal-Grupp u l-abbiltà tagħna li nirrispondu b’mod effettiv għal suq dinamiku li kontinwament qed jevolvi u jsir aktar kumpless”.
Il-fondi tal-azzjonisti żdiedu b’€9 miljuni u telgħu għal aktar minn €109 miljuni
//= $special ?>