Bl-Ingliż hemm kwotazzjoni li tiswa ħafna għal kull min jidħol fil-ħajja pubblika: if you stand for nothing, you will fall for anything. Din il-kwotazzjoni hi logħba fuq il-kuntrast fit-tifsiriet ta’ ‘fall’ u ‘stand’ li jintilfu fit-traduzzjoni. Imma li tgħid hu li jekk ma jkollokx sens ta’ missjoni u viżjoni fil-ħajja pubblika, taqa’ għal kollox.
Gvern bla viżjoni jaqa’ għal kollox
Jekk hemm analiżi li tista’ ssir ta’ dawn it-tliet snin tal-Gvern ta’ Joseph Muscat hi propju din: li Joseph Muscat tela’ bla viżjoni u għalhekk il-Gvern tiegħu qed jegħreq fil-korruzzjoni: bla missjoni, qed jaqa’ għal kollox.
Il-kelma ‘ħaddiem’ ma teżistix
Uħud forsi kienu ħasbu li l-Partit Laburista sar xi partit normali tax-Xellug. Imma l-partit ta’ Joseph Muscat għandu kritika anke minn ġewwa li tilef kull ruħ soċjali li seta’ kellu. Il-kelma ‘ħaddiem’ ma teżistix għal Joseph Muscat. Anzi, il-kategoriji tal-ħaddiema b’paga medja jew anqas – qed ngħidu nofs il-ħaddiema – fl-aħħar tliet snin sofrew tnaqqis reali fil-pagi tagħhom għax iż-żidiet miżeri li ngħataw lanqas biss laħħqu mal-għoli tal-ħajja. L-għafsa kbira fuq il-pagi ġejja wkoll minn gliegel ta’ ħaddiema barranin b’pagi baxxi fl-isfond tal-eluf ta’ visas li ħareġ bil-korruzzjoni l-Gvern ta’ Joseph Muscat.
Il-‘foqra’ huma
Il-kelma ‘faqar’ kienet biss propoganda ta’ qabel l-elezzjoni. Illum, Joseph Muscat jaħseb li hu u ta’ madwaru l-foqra. L-ewwel eżempju ħażin tah hu stess meta qed jieħu 70,000 ewro talli taparsi jsuq il-karozza tiegħu stess – bla taxxa issa sirna nafu. Tistagħġeb li mbagħad f’Kastilja stess il-qraba u l-ħbieb tal-Prim Ministru jaħtfu kemm jifilħu u seħħew l-iskandli tal-Cafè Premier, ta’ Gaffarena u tal-Panama b’dawk involuti f’dan l-iskandlu interanzzjonali kollha ma’ Joseph Muscat f’Kastilja? Il-Gvern ta’ Joseph Muscat qed jaqa’ għal kollox; u verament kollox.
L-ewwel tliet snin
Gvernijiet ġodda fil-passat li kien ilhom biex jitilgħu, fl-ewwel tliet snin tagħhom urew viżjoni u ħerqa biex iwettquha. Borg Olivier fl-ewwel tliet snin tiegħu għamel lil Malta sovrana u beda l-industriji tal-manifattura u t-turiżmu. Mintoff fl-ewwel tliet snin tiegħu għamel servizzi soċjali u emendi kostituzzjonali sinjifikanti, anke jekk bil-qbil tal-Oppożizzjoni. Fenech Adami ġab rivoluzzjoni sħiħa bil-liberalizzazzjoni tal-ekonomija, drittijiet ġodda, servizzi ta’ solidarjetà ġodda u demokrazija sħiħa. Imqar Lawrence Gonzi – allavolja kontinwazzjoni ta’ Gvern – irriforma l-ekonomija li għadna ngawdu sal-lum u kkwalifikana għall-ewro. U Joseph Muscat? Jiftaħar b’rix ta’ qablu, inklużi l-fondi mill-Ewropa u l-ħafna industriji wirt tal-Gvern ta’ qabel. Biex ngħidu kollox, waqqaf industrija waħda Muscat: dik tal-positions of trust li fiha diġà 540 ruħ jaħtfu flus il-ħaddiema.
L-unika mira: kemm se jaħtfu tal-qalba
U dan hu li turi din l-industrija ġdida tal-positions of trust u l-iskandli kbar ta’ Kastilja u tal-Panama: Gvern bla bla missjoni li, jekk kellu xi mira, kienet biss kemm se jaħtfu tal-qalba, ibda minn fuq nett f’Kastilja stess.
Roadmap għall-Panama
Joseph Muscat qabel l-elezzjoni kien damdam f’moħħ kulħadd li kellu roadmap. Fil-bidu ta’ dawn it-tliet snin, ħafna staqsew: roadmap għal fejn? Illum nafu: roadmap għall-Panama; Gvern bla viżjoni li qed jaqa’ għal kollox.