BLOGS

Gvern partiġġjan

F’dawn l-aħħar tliet snin ta’ Gvern Laburista, b’mod regolari joħroġ aktar fil-beraħ l-aġir partiġġjan ta’ dan il-Gvern. Smajna b’numru ta’ każijiet fejn il-ġid tal-Partit Laburista ngħata prijorità fuq il-ġid tal-pajjiż, fejn il-lealtà lejn il-Partit Laburista ngħatat preċedenza fuq il-lealtà lejn pajjiżna u l-kostituzzjoni tagħna. Iżda dak hu l-Gvern Laburista – ħafna antiċipaw dan, iżda meta tkellmu fuq dan qabel l-elezzjoni qalulhom li l-Partit Laburista kien inbidel u ħafna emmnu li l-Partit Laburista verament inbidel.

Partiġġjaniżmu sfrenat
Sa mill-bidu tal-leġiżlatura, il-kriterji biex tavvanza kienu ċari. Ma baqgħux il-kompetenzi u l-kwalifiki iżda saru t-twemmin politiku u l-appoġġ lejn il-Partit Laburista. Ma baqax jgħodd dak li taf, iżda lil min taf. Kulħadd jiftakar il-promotions li ngħataw fl-Armata ta’ Malta – rekord fuq rekord ta’ kif wieħed jasal minn grad għall-ieħor.

Kulħadd jaf kif mara ta’ Minsitru, ingħatat salarju ta’ €13,000 fis-sena mingħajr sejħa pubblika. Kulħadd jaf bil-business partner tal-mara tal-Prim Ministru li ngħatat mal-€5,000 fix-xahar biex tkun rappreżentanta tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu fi New York. L-istess sar fil-korp tal-Pulizija, fiċ-ċivil, f’kumpaniji parastatali. Iżda dan kollu ngħata isem, il-famuża position of trust li qed tintuża bħala skuża biex min hu Laburist, jieħu li jrid.

L-ewwel il-Partit
Jekk xi darba kien hemm dubju dwar kif il-Gvern tal-lum, jagħti prijorità lill-Partit iktar milli lil pajjiż, dan id-dubju tneħħa nhar l-Erbgħa 4 ta’ Mejju waqt li kienet qed tiġi diskussa l-mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Ministru Konrad Mizzi. Id-diskors tal-istess Konrad Mizzi huwa xempju ta’ kemm il-ġid tal-Partit Laburista huwa iktar importanti mill-ġid tal-pajjiż.

Jikkonferma dan il-fatt li Konrad Mizzi, minn jeddu, rriżenja mill-kariga ta’ deputat mexxej tal-Partit Laburista. Dan għamlu biex ma jagħmilx iktar ħsara lill-Partit Laburista, iżda ma jinteressahx mill-ħsara li għamel u li għadu sal-lum jagħmel lil pajjiżna. Bl-istess raġunament, la minħabba l-iskandlu tal-Panama deherlu li għandu jirriżenja mit-tmexxija tal-Partit Laburista, għaliex ma rriżenjax ukoll mit-tmexxija tal-pajjiż?

Ir-risposta hija ċara, għaliex Mizzi iktar jinteressah il-Partit Laburista milli l-poplu Malti. Ma jimpurtahx li bil-fatt li hu għadu membru tal-Kabinett qed ikompli jagħmel ħsara kbira lill-pajjiżna. Ma jinteressahx li ħafna mill-ħsara saret għaliex proprju baqa’ fil-kariga tal-aktar Ministru b’saħħtu u qrib ta’ Joseph Muscat. Ovjament, ma jinteressahx il-fatt li r-reshuffle kien fażul u li minflok naqsittlu s-saħħa, Konrad Mizzi żdiedet l-influwenza tiegħu fil-Kabinett. Dan kollu sekondarju għal dan il-Gvern. Gvern li qed imexxi pajjiż bi prijoritajiet partiġġjani minflok ta’ lealtà lejn pajjiżna.

Kompliċità
Illum mhux Mizzi biss huwa parti mill-iskandlu tal-Panama. Illum kull deputat Laburista, li vvota kontra l-mozzjoni ta’sfiduċja huwa kompliċi daqs Konrad Mizzi stess. Bil-vot tagħhom, ma baqgħux spettaturi, isegwu fis-silenzju jew jgħidu x’kienu jagħmlu huma kieku kienu flok Konrad Mizzi. Bil-vot tagħhom dawn saru protagonisti fl-iskandlu tal-Panama. Għaliex min ma jikkundannax, ikun qed japprova, u min japprova huwa kompliċi.