Il-qawwiet fil-Punent tal-Libja qegħdin jippreparaw biex javvanzaw fuq il-belt ta’ Sirte li ilha mis-sena l-oħra sservi bħala fortizza ewlenija għall-ISIS. Dan żvelawh kelliema għall-istess qawwiet Libjani li jidhru qegħdin jippjanaw kontra-attakk wara li t-terroristi tal-ISIS iggwadanjaw xi territorji fl-aħħar ġimgħa.
Il-qawwiet ibbażati fil-belt ta’ Misrata qegħdin jittamaw f’appoġġ loġistiku ‘internazzjonali’ biex huma jieħdu lura Sirte, li saret l-aktar bażi importanti tal-ISIS barra s-Sirja u l-Iraq. Intant, mifhum li l-qawwiet Libjani ‘mhumiex se jistennew għall-għajnuna’ qabel jibdew bl-avvanz.
Il-Ġeneral Mohamed al-Gasri, kelliem għall-ġellieda f’Misrata, sostna li ‘l-qawwiet huma lesti filwaqt li qed iħejju l-arranġamenti tas-sigurtà biex jattakkaw l-inħawi ta’ Sirte.’ L-operations room inkwistjoni kien twaqqaf mill-Gvern Libjan għall-għaqda, li jgawdi l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti, u li kien wasal fi Tripli lejn l-aħħar ta’ Marzu.
Iħejju attakk fuq il-fortizza tal-ISIS f’Sirte
