Irrispettivament kemm il-Partit Laburista u l-esponenti ewlenin tiegħu jippromwovu l-kisbiet ta’ dan il-Gvern tul dawn l-aħħar 3 snin; fosthom drittijiet ċivili aktar miftuħa, child care li fil-prinċipju huwa bla ħlas, l-ekonomija li fuq viżjoni ta’ Gvern preċedenti żammet il-pass, arja aktar nadifa bl-għeluq tal-Power Station tal-Marsa għax il-Gvern seta’ jinqeda aħjar bl-interconnector… xejn ma jreġi l-fatt li dan is-suppost l-aħjar Kabinett fl-Istorja Politika Maltija qiegħed jisraq minn ħalq il-poplu l-miljuni, il-miljuni li kont nistenniehom jintefqu fil-ġlieda kontra l-faqar mill-Gvern Soċjalista tal-ġurnata.
Il-ġimgħa li għaddiet il-gazzetta The Times ippubblikat rapport xokkanti dwar in-nefqa totali li din l-aħħar verżjoni tal-Kabinett ta’ Muscat, ir-raba’ waħda, ser tkun qed tiswa lill-poplu Malti, sewwa sew €16.2 miljuni, kważi €7 miljuni aktar mill-Kabinett tal-aħħar Gvern Nazzjonalista li kien jiswa €9.3 miljuni meta jinkludi wkoll il-kontroversja tal-€500! Ironikament ninnota li minkejja l-għajta tal-‘aħjar Kabinett’, illum għandna l-akbar Kabinett u l-ogħla Kabinett u jħallas għalih il-poplu Malti.
Xokkanti huwa aktar meta tikkompara s-16-il membru fil-Kabinett ta’ Muscat mal-istess ammont ta’ Renzi fl-Italja, li b’somma ħafifa naslu għal konklużjoni wisq aktar xokkanti: L-Italja għandha Ministru għal kważi kull 4 miljun persuna filwaqt li f’Malta għandna Ministru għal kull 25,000 ruħ, dan meta ovvjament nieħdu f’kunsiderazzjoni li l-Italja għandha popolazzjoni ta’ kważi 60 miljun ruħ li jitfu n-nofs miljun f’pajjiżna.
Ir-rapport li fuqu qiegħed nibni dawn l-argumenti jkompli jsostni kemm Joseph Muscat tbiegħed minn kelmtu, mhux għax dan mhuwiex l-aħjar Kabinett fl-istorja imma għaliex huwa akbar minn dak li eventwalment wiegħed. Lil hinn mill-argument dwar il-Kabinett, allura hawnhekk inkomplu nikkonfermaw kemm l-Utopja li pproġetta Joseph Muscat tliet snin ilu kienet biss ħolma surreali li llum falliet u bħal bużżieqa nfaqgħet f’wiċċ l-eluf kbar li ddeċidew jaqilbu l-vot tagħhom għax verament emmnu li Gvern Laburista ġdid jista’ jkun qiegħed jeżerċita l-irwol tiegħu bħala Gvern Soċjalista.
Minn dan, għaldaqstant nislet diversi spunti. L-ewwel, il-Gvern qiegħed jonqos lil min verament jirrappreżenta għaliex kieku le, ma kienx ikollna żieda fil-persentaġġi ta’ dawk li llum qed jgħixu f’faqar relattiv. Il-ġlieda kontra l-prekarjat għadha mhix mirbuħa, jekk qatt inbdiet. Il-qofol tar-rappreżentanti tal-poplu fil-Gvern mhumiex bħall-bqija; jaqilgħuha u jikluha, imma għandhom il-miljuni x’jiddepożitaw barra minn xtutna u wħud saħansitra jerfgħu eluf kbar taħt soddithom…
Il-poplu jistenna aktar. Il-poplu jistenna aħjar. F’mument delikat li fih eluf qed jitilfu l-fiduċja fil-politiċi, iridu jkunu l-politiċi li jkunu misluta minn fosthom u li bħall-maġġoranza jistgħu jifhmu d-diffikultajiet ta’ kuljum. Ma jistax ikun li pajjiżna fi żmien meta huwa taħt Gvern Soċjalista qiegħed ikompli jaqsam il-linja diviżorja u jħalli warajh lil dawk li verament jeħtieġu l-protezzjoni tal-politika soċjali.
Għalhekk, il-miljun ewro żejda li ser ikun qed jonfoq il-Prim Ministru sabiex jissodisfa lil kulħadd f’dal-Kabinett li qed jistagħna minn fuqna, kienu jkunu aktar xierqa li kieku marru għal kawżi aktar nobbli. Magħhom irrid inżid il-ħela u t-tberbiq ta’ flus li dal-Gvern ma jikkunsidrax: il-€4.3 miljun tal-Cafè Premier, l-€14-il miljun mitlufa fl-Ażerbajġan fin-negozjar taż-żejt, l-€10 miljuni tal-Australia Hall, il-€11-il miljun mitlufa fi Triq il-Kosta… iċ-Ċittadella, il-Parlament li ltaqa’ Għawdex, il-Ministru bla portafoll… u l-lista ma tintemm qatt.
Dan huwa l-Gvern tal-fqir biex minn fuqu jkun jista’ jistagħna.
U erħilhom iċpapċpulu u jxejrulu l-imkatar tat-torċa bil-fjamma tlebbet.
Tlebbet l-ilsna tad-differenza ta’ bejn il-ftit mexxejja Soċjalisti u l-ħafna servjenti, Soċjalisti wkoll.
Justin Schembri hu Kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss fuq it-8 distrett.
Verżjoni ta’ din l-opinjoni dehret fil-ġurnal In-Nazzjon tal-Erbgħa, 11 ta’ Mejju 2016.