Lokali

L-Awtorità tal-Ippjanar ma tweġibx għat-tħassib tal-Kamra tal-Periti

Il-Kamra tal-Periti nnotat li r-risposta tal-Awtorità tal-Ippjanar għall-istqarrija tal-Kamra tal-11 ta’ Mejju li għadda, tiddeskrivi fit-tul xi laqgħat li fl-aħħar xhur saru bejn iż-żewġ entitajiet. Madankollu, fl-ebda parti ma kkummentat dwar is-suġġett tal-istqarrija tal-Kamra, jiġifieri li r-revoka tal-Ordni tal-2007 dwar Notifikazzjoni dwar Żvilupp (magħruf bħala DNO) seħħ mingħajr l-ebda forma ta’ konsultazzjoni mal-Kamra tal-Periti, bi ksur tal-provvedimenti tal-Att dwar l-Ippjanar u l-Iżvilupp.

Il-Kamra fakkret lill-Awtrorità tal-Ippjanar li fl-ebda punt, matul il-laqgħat, ma kkonsultat mal-Kamra dwar l-intenzjoni li l-Ordni jiġi rrevokat kompletament, b’riżultat li dan ħalla vacuum legali. Il-Kamra tal-Periti ċaħdet li ġiet ikkonsultata dwar l-abbozz tal-Ordni l-ġdid u dwar ir-revoka tal-Ordni tal-2007, filwaqt li rrepetiet li dan hu obbligu tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar skond l-Att dwar l-Ippjanar.

L-Awtorità tal-Ippjanar naqset ukoll milli tikkummenta dwar il-fatt li mit-Tnejn li għadda mhix qed taċċetta sottomissjonijjiet ġodda taħt il-proċedura tad-DNO. Dan ħalla lill-pubbliku u lill-Periti mingħajr informazzjoni dwar kif u meta ser jiġu fis-seħħ ir-regolamenti l-ġodda tad-DNO.

Dan ifisser li sakemm dawn ir-regolamenti jiġu fis-seħħ, ċerti xogħolijiet li kienu kkunsidrati bħala żvilupp permissibli taħt l-Ordni tal-2007, bħal alterazzjonijiet interni żgħar fil-bini, illum ma jistgħux jitwettqu għax legalment m’humiex ikkunsidrati permissibli minħabba li ġie rrevokat l-Ordni li jirregola dawn it-tipi ta’ xogħolijiet.

Il-Kamra tal-Periti qalet li jidher li l-Awtorità tal-Ippjanar tifhem il-kelma “konsultazzjoni” b’mod differenti minn dak li hu miktub fuq is-sit elettroniku tal-Gvern. Sostniet li hu ironiku li l-Awtorità tal-Ippjanar għażlet li tikkwota minn ittra tal-21 ta’ Marzu 2016 li l-Kamra tal-Periti bagħtet lis-Segretarju Parlamentari dwar l-Ippjanar, fejn irringrazzjatha talli kkonsultat mal-Kamra fuq materji oħrajn.

Madankollu, l-Awtorità tal-Ippjanar ma nfurmatx fl-istqarrija tagħha li fl-istess ittra, il-Kamra tal-Periti fakkret b’mod speċifiku lill-Gvern dwar l-obbligu li jikkonusltaha dwar id-DNO, fejn talbet li l-konsultazzjoni ssir qabel il-konsultazzjoni pubblika.