Internazzjonali

Passi kontra l-ħasil tal-flus permezz tal-proprjetà f’Londra

Barranin issuspettati li qed jużaw proprjetà f’Londra għall-ħasil tal-flus se jkunu sfurzati biex jiddikjaraw minn fejn ġabu l-flus skont proposti tal-Gvern Ingliż biex jikkumbatti l-korruzzjoni.
Skont il-proposti, kwalunkwe politiku barrani jew membru taċ-ċivil ta’ xi pajjiż barrani li jonfoq ammonti kbar ta’ flus fir-Renju Unit jista’ jkun sfurzat mill-Pulizija Ingliża biex jikxef is-sors tad-dħul tiegħu.
Il-miżura, magħrufa bħala “unexplained wealth orders” se tkunu parti mill-aġenda tas-summit internazzjonali tal-lum li se jsir f’Londra kontra l-korruzzjoni.
Skont Transparency International – grupp internazzjonali li jaħdem kontra l-korruzzjoni – f’Londra hemm 36,000 residenza li huma rreġistrati f’isem kumpaniji rreġistrati f’dawk magħrufa bħala tax havens, bħall-British Virgin Islands, li ma jikxfux l-identità ta’ dak li jkun.
Filwaqt li ħafna minnhom huma leġittimi, l-attivisti kontra l-korruzzjoni qalu li hemm ħafna li nxtraw minn flus li nkisbu illegalment. In-National Crime Agency temmen li tant hi kbira l-problema li l-flus miksubin b’mod kriminali minn barra r-Renju Unit wasslu biex ikun hemm splużjoni fil-prezzijiet tal-proprjetà f’Londra.