Il-President tal-Brażil, Dilma Rousseff, se tgħaddi minn proċess wara li s-Senat fi Brasilia ivvota biex hi tkun suġġetta għal impeachment u tispiċċa sospiża.
Rousseff hi akkużata dwar manipulazzjoni ‘bi ħsieb’ tal-finanzi, bl-iskop li taħbi żbilanċ pubbliku li kien qed jiżdied qabel l-elezzjoni tal-2014, fil-Brażil, fejn hi reġgħet kienet eletta.
Filwaqt li l-President qed tiċħad l-akkużi, is-senaturi vvutaw, b’55 vot kontra 22, biex jissospenduwha. Dan wara sessjoni twila li damet għal aktar minn 22 siegħa.
Il-Viċi-President Brażiljan, Michel Temer, għandu jassumi l-Presidenza waqt li jkun għaddej il-proċess ta’ Dilma Rousseff.
Il-proċess inkwistjoni jista’ jdum għal 180 jum, li jfisser li Rousseff tkun sospiża waqt l-Olimpjadi ta’ Rio de Janeiro li jibdew fil-5 ta’ Awwissu.
Għalkemm Rousseff ressqet appell finali lill-Qorti Suprema tal-Brażil biex jitwaqqfu l-proċeduri kontra tagħha, dan ma kienx milqugħ. Is-sospensjoni partikolari anki ġġib fi tmiem 13 il-sena ta’ tmexxija (fil-Brażil) tal-Partit tal-Ħaddiema ta’ Dilma Rousseff.
Rousseff kienet ħadet l-ewwel ġurament ta’ ħatra bħala President f’Jannar tal-2011 u bdiet tieni mandat fl-2015. Hi qed tfisser il-miżuri biex hi titneħħa bħala ‘kolp ta’ stat’.
Rousseff sospiża mill-kariga ta’ President tal-Brażil
