Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil żar numru ta’ ħaddiema f’Għawdex fi żjara li għamel.
Waqt iż-żjara tiegħu, Simon Busuttil żar il-lukanda lussuża ‘Kempinski San Lawrenz Hotel & Spa’ fejn intlaqa’ mid-Diretturi Dorothy Baldacchino u Maurizio Baldacchino. Hu ddawwar mal-kmamar, partikolarment l-appartamenti lussużi li l-lukanda mistennija tibda toffri għal residenza fit-tul.
Il-lukanda, li hija mifruxa fuq 73 tomna art, bdiet tinbena fl-1999 minkejja l-isfidi biex tidħol fis-suq tat-turiżmu lussuż f’Għawdex u llum tattira turisti minn madwar id-dinja.
Waqt iż-żjara tiegħu f’Għawdex, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żar ukoll il-kumpless tal-kumpanija ‘Magro Brothers’ fejn hemmek iltaqa’ kemm mal-ħaddiema kif ukoll mat-tmexxija tal-kumpanija.
Hu ntlaqa’ mill-aħwa John u Michael Magro li spjegaw li aktar tard matul ix-xahar, il-kumpanija se tkun qed tiċċelebra l-mitt sena mit-twaqqif tagħha lura fl-1916.
Meta kien qed jindirizza l-ħaddiema, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista feraħ lit-tmexxija tal-kumpanija, li rnexxielha tkompli tkabbar l-kumpanija anke wara d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea li offriet sfidi u opportunitajiet ġodda.
Intant, grupp ta’ Maltin li inżertaw kienu qed iżuru l-kumpless ta’ Magro Brothers, bla ma kienu qed jistennew, kellhom l-opportunita’ li jiltaqgħu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li dak il-ħin kien qed jiddawwar madwar il-kumpless.
//= $special ?>

