Lokali

It-Tieġ Malti fiż-Żurrieq

Nhar is-Sibt 21 ta’ Mejju 2016, fis-7 ta’ filgħaxija, ġol-pjazza ta’ Bubaqra fiż-Żurrieq, se jsir re-enactment li juri żwieġ tipiku Malti tal-passat

Dak iż-żmien it-tħejjija għaż-żwieġ kienet kemm xejn differenti minn ta’ zmienna! Meta xebba kienet tkun lesta għaż-żwieġ, kinet titpoġġa qasrija tal-ħabaq ġot-tieqa tad-dar tagħha. Jekk ġuvni żagħżugħ kien ikollu xi intenzjoni li jiżżewweġ lil din ix-xbejba, kien iqabbad ħuttab sabiex jiftiehem mal-ġenituri tat-tfajla. Kien ukoll iħallas għannej, sabiex dan ikanta kanzunetti ta’tifħir lix-xbejba, taħt it-tieqa tagħha. Ladarba l-ftehim kien jintlaħaq, il-ġenituri tal-koppja kienu jiltaqgħu għand nutar biex isir il-kuntratt tad-dota li kienet tkun se tingħata lill-għarusa mill-ġenituri tagħha. Dakinhar tat-tieġ, imbagħad, l-għarusa kienet tħalli d-dar tal-ġenituri tagħha b’purċissjoni taż-żwieġ, imsejħa l-ġilwa.

Fil-każ tar-re-enactment, l-għarusa se toħroġ minn ġo dar storika fil-pjazza ta’ Bubaqra. Numru mdaqqas ta’ atturi se jieħdu sehem fil-ġilwa. Il-qraba, l-ħbieb u l-ħaddara, lebsin ilbies eleganti u kkulurit ta’ l-epoka, se jimxu taħt il-baldakkin

Oħrajn se jimxu warajhom, lebsin l-ilbies normali ta’ dak iż-żmien. Dawn kollha se jerħulha lejn il-knisja ta’ Santa Marija, flimkien ma’ għadd ta’ daqqaqa, għannejja u żeffiena. Ladarba jkunu l-knisja, se jingħad ir-rit taż-żwieġ bil-Latin quddiem il-qassis. Imbagħad kulħadd se jimxi lura lejn id-dar tal-għarusa għar-riċeviment, fejn ipoġġu madwar mejda u jieklu ikel tradizzjonali Malti. Hawnhekk se jiġu preżentati l-għarajjes, qalb kant u żfin folkloristiku.

Attrazzjoni oħra waqt din l-attivita’ hija xelter ta` matul il-gwerra ser jkun miftuħ għall-pubbliku.

Dan ir-re-enactment hu organizzat mill-Kumitat Amministrattiv ta’ Bubaqra, fi ħdan il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq, bil-kollaborazzjoni tas-Sotto-Kumitat Kultura fi ħdan is-Soċjeta Mużikali Santa Katarina VM Żurrieq, bl-għajnuna tas-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u tal-Awtorita’ tat-Turiżmu ta` Malta.