Kif kien imwiegħed mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, fil-Kunsill Ġenerali li beda l-Ġimgħa filgħaxija s-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport Marthese Portelli ppreżentat dokument għall-konsultazzjoni pubblika bl-iskop li titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku b’mod short term.
B’kollox dan ir-rapport fih 35 proposta konkreta bl-iskop li tkun imrażżna l-problema tat-traffiku.
Dan id-dokument jipproponi li jrid isir studju bir-reqqa tal-moviment tal-vetturi u l-passiġġieri f’pajiżna bl-għan li jkun identifikat il-mod kif qed jaħdem it-traffiku, il-mod kif jivvjaġġaw gruppi speċifiċi kif ukoll it-tbassir ta’ dak li hemm bżonn isir minn qabel u b’mod differenti skont is-setturi differenti tas-soċjetà.
Proposta oħra hi li jsiru żewġ kampanji mmirati li joffru informazzjoni u jqajjmu l-għarfien tal-pubbliku. L-ewwel kampanja trid tkun immirata li toħloq bidla fl-attitudni tas-sewwieqa u l-passiġġieri waqt li jinbet sens ta’ kontribut mill-pubbliku biex titnaqqas il-problema tat-traffiku. It-tieni kampanja informattiva trid tkun immirata li tqassam informazzjoni lill-pubbliku ġenerali biex jippjana iżjed u jsib rotot alternattivi, kif ukoll il-possibbilta’ li jipposponi l-vjaġġi tiegħu.
Miżura oħra hi li t-trasport tal-iskejjel isir b’xejn għat-tfal kollha fl-iskejjel primarji u sekondarji, kemm jekk privati, tal-knisja jew tal-istat, filwaqt li jitwaqqfu linji gwida fis-sens ta’ ħarsien lejn is-sigurta’, affidibiltà u superviżjoni.
Fir-rapport jissemma’ wkoll il-bżonn ta’ trasport dedikat minn u lejn id-destinazzjonijiet li jirċievu volum qawwi ta’ persuni li jivjaġġaw f’ħinijiet partikolari. Dawn jinkludu l-Università, il-Junior College, l-MCAST u istituzzjijiet edukattivi oħra, kif ukoll l-isptarijiet, swieq, festi u postijiet tax-xogħol ewlenin bħal żoni industrijali u postijiet tad-divertiment.
Possibilta’ oħra hi l-introduzzjoni ta’ trasport dirett minn villaġġi u postijiet oħra strateġiċi lill-ħaddiema tal-Gvern, jew inkella sistema effettiva oħra ta’ trasport alternattiv li jinkludi car pooling. Jipproponi wkoll li għandhom jiġu introdotti wkoll skemi ta’ inċentivi oħra, fost l-oħrajn fejn is-sewwieqa jingħataw l-għażla li jivvjaġġaw fi ġranet u ħinijiet magħżula, inċentivi għall-użu ta’ muturi, roti, u roti bil-mutur, inċentivi lil kumpaniji u organizzazzjonijiet biex joħolqu sistemi ta’ car pooling kif ukoll inċentivi oħra li jinkoraġixxu kumpaniji biex inaqqsu l-vetturi tqal jew twal mit-toroq f’ħinijiet kruċjali.
Ir-rapport jinkludi wkoll l-idea li ssir reviżjoni tal-ħinijiet li fih jinġabar l-iskart għal ħin fejn ma jkunx hemm influss ta’ vetturi privati, biex b’hekk titnaqqas il-konġestjoni. Il-problema tista’ tittaffa wkoll billi jsir użu aħjar ta’ skips u strutturi oħra, inkluż kmamar apposta li fihom jista’ jitpoġġa l-iskart ta’ grupp ta’ appartamenti jew uffiċċji biex jinġabar l-iskart b’mod koordinat u ppjanat aħjar.
Id-dokument jipproponi wkoll li jkun hemm evalwazzjoni fuq livell nazzjonali dwar l-effetti li qed ikollhom, roundabouts, centre strips u marki tat-toroq. Ir-rapport jiffoka wkoll fuq relazzjoni bejn mezzi differenti ta’ trasport sabiex jittaffa t-traffiku fosthom zieda fl-iskemi tal-Park and Ride, Cycle and Ride u rotot tal-linja li jaqdu b’mod dirett servizzi bil-baħar. Proposta oħra taħt il-qasam ta’ investiment infrastrutturali hi sistema integrata ta’ sinjali tat-traffiku.
Id-dokument qed jipproponi li jkun hemm entita’ li jkollha s-saħħa u l-awtorita’ li tmexxi u tikkoordina ix-xogħolijiet fit-toroq b’mod ħolistiku. Fuq livell ta’ riżorsi umani, ir-rapport qed jipproponi “major incident response team” li jwieġeb għal emerġenzi li jikkawżaw konġestjoni u jikkoordina l-azzjonijiet biex il-problema tkun solvuta mill-iktar fis. Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi, ir-rapport qed jipproponi iktar deċentralizzazzjoni ta’ servizzi lejn Kunsilli Lokali u postijiet ċentrali oħrajn. Element importanti hu l-użu tal-IT fejn ir-rapport qed jirrakkomanda sistema ċentralizzata ta’ informazzjoni dwar xogħolijiet, inċidenti jew attivitajiet li jaffettwaw it-traffiku. Din l-informazzjoni tkun aċċessibbli għall-publiku permezz tal-internet jew b’app.
Dan id-dokument se jkun miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika, u jiġi ppreżentat lis-soċjeta’ ċivili u stakeholders fil-gimghat li gejjin. Kull min jixtieq jaghti l-feedback tieghu ghal dawn il-proposti jista jaghmel dan billi jibghat email fuq traffic@pn.org.mt.
//= $special ?>