Fi tliet snin ta’ dan il-Gvern, f’Għawdex persuna waħda biss taħt l-età nqabdet f’diskoteka jew post ta’ divertiment; persuna oħra nqabdet tpejjep f’post fejn it-tipjip huwa pprojbit; l-ebda persuna li hija sid ta’ stabbiliment ma tressqet il-Qorti għaliex ħalliet isir tipjip fl-istabbiliment tagħha; u l-ebda persuna ma tressqet il-Qorti għaliex inqabdet tbigħ alkoħol lill-persuni taħt l-età.
Dan jirriżulta minn informazzjoni li ngħatat fil-Parlament mill-Ministru Carmelo Abela li kien qiegħed iwieġeb mistoqsijiet parlamentari tax-Shadow għal Għawdex, Minister Chris Said.
L-informazzjoni mitluba lill-Ministru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali kienet għas-snin 2014, 2015 u l-2016 sal-lum.
Il-każ wieħed ta’ persuna taħt l-età li nqabdet f’diskoteka jew f’post ta’ divertiment fejn ma jistgħux jidħlu persuni taħt l-età ġewwa Għawdex, u l-persuna l-oħra li nqabdet tpejjep f’post fejn it-tipjip huwa pprojbit mill-Pulizija f’Għawdex, eventwalment tressqu l-Qorti.
Ma kienx hemm sidien ta’ stabbiliment li tressqu l-Qorti talli ppermettew tipjip f’post fejn huwa pprojbit matul il-perjodu msemmi.
//= $special ?>