Ħarsa lejn il-ġurnali tal-lum

IN-NAZZJON jirrapporta dwar iż-żjara tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’Għawdex fejn żar numru ta’ stabbilimenti u ltaqa’ ma’ ħaddiema u operaturi Għawdxin. Fl-ewwel faċċata hemm ukoll rapport dwar il-Kunsill Ġenerali tal-PN li se jiftaħ illejla kif ukoll rapport bit-titlu “Muscat jitlef kull sens ta’ mistħija” meta mar jitkellem f’seminar dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni li sar f’Londra.

TIMES OF MALTA jirrapporta dwar il-parteċipazzjoni Maltija fil-konkors Eurovision fejn sorsi li tkellmu mal-ġurnal ġibdu l-attenzjoni għan-nefqa kbira li qed jagħmel il-PBS f’dan il-festival. Skont estimi, in-nefqa għal din is-sena hi mill-inqas id-doppju tan-nefqa tas-soltu meta Malta tieħu sehem fil-Eurovision. Rapport ieħor fil-paġna ta’ quddiem hu dwar iż-żewġ membri nominati mill-Partit Laburista għal fuq il-Bord tal-Awtorita’ tax-Xandir li t-tnejn li huma rriżenjaw mill-kariga għal raġunijiet differenti.

L-Istorja ewlenija fuq THE MALTA INDEPENDENT hi dwar l-intervent tal-Prim Ministru Joseph Muscat fis-summit kontra l-korruzzjoni f’Londra, li matulha, Muscat attakka l-iskema ta’ self tal-PN. Storja oħra fl-ewwel faċċata hi dwar frodi internazzjonali permezz ta’ telefonati minn barra l-pajjiż.

L-ORIZZONT jirrapporta dwar sejba arkeoloġika waqt ix-xogħolijiet fit-triq bejn ir-Rabat u l-Baħrija. Jidher li l-ħaddiema skoprew oqbra puniċi. Storja oħra hi dwar kif il-livell tal-baħar għola bi kważi medru fl-Imsida. Il-ġurnal jirrapporta wkoll dwar id-diskors tal-Prim Ministru f’Londra li fih fisser kif Malta qed tiġġieled il-korruzzjoni.