Resident fil-Kappara ressaq rikors ġuramentat quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra Transport Malta fejn qed ifittex lill-Awtorita’ għad-danni li se jsofri b’rabta mal-proġett tal-flyover fil-Kappara stess.
Fir-rikors tiegħu, John Azzopardi qal li hu għandu villa fuq żewġ plots li l-parti ta’ wara tagħha tħares fuq Triq Mikiel Anton Vassalli, magħrufa aħjar bħala Triq Reġjonali fejn se jsir xogħol ta’ natura kbira u x-xogħolijiet mistennija jdumu għal diversi xhur.
Azzopardi kompla li minn pariri tekniċi li ngħata, il-binja elevata tal-flyover se tlaħħaq mal-parti ta’ wara tal-villa. B’konsegwenza ta’ dan, il-valur tal-propjeta’ se jonqos drastikament u għaldaqstant se jsofru danni konsiderevoli.
L-esponenti qed jitolbu lill-Qorti sabiex tordna lil Transport Malta tillikwida d-danni. Ir-rikors kien iffirmat mill-Avukat Edward Gatt.
Ix-xogħolijiet ta’ żgumbrar fuq ir-roundabout diġa bdew kif ukoll xogħolijiet oħra preparatorji f’toroq li mistennija jkollhom żieda fil-volum ta’ traffiku. Ix-xogħolijiet ta’ kostruzzjoni propja mistennija jibdew f’Lulju.
IMPRESSJONI ARTISTIKA:Transport Malta
//= $special ?>

