Internazzjonali

Cliff Richard taħt ‘pressjoni terribbli’ minħabba allegazzjonijiet ta’ abbuż sesswali

Il-ħbieb tal-kantant veteran, Sir Cliff Richard, qalu li hu spiċċa ‘dell ta’ dak li kien’ minħabba allegazzjonijiet assoċjati miegħu rigward każ ta’ abbuż sesswali li jingħad li jmur lura għas-snin tmenin.

Huma qalu li l-‘maltempata legali’ wasslet biex Cliff Richard jitlaq mir-Renju Unit fejn jista’ jaħrab mill-ispekulazzjoni kollha. Dan meta l-prosekuturi Britanniċi qed jikkunsidraw jekk iressqux akkużi fil-konfront ta’ Cliff Richard, li għandu 75 sena, wara li l-Crown Prosecution Service ikkonferma li jinsab fil-pussess ta’ ‘dokumentazzjoni ta’ provi’ li għaddewlu l-Pulizija ta’ South Yorkshire.

Il-każ assoċjat ma’ Cliff Richard ilu taħt proċess mill-2014, u waħda mill-ħbieb tal-kantant – Gloria Hunniford, il-preżentatriċi ta’ Loose Women – qalet li ‘Cliff tilef ħafna piż minħabba l-pressjoni terribbli li qed ikun suġġett għaliha’. Jidher li l-kantant ‘ma jista’ jitkellem dwar xejn aktar’ u jaħsbu li Cliff Richard, issa, qed iqatta’ żmien fir-residenzi li xtara fi New York, il-Portugall u Barbados.

Sir Cliff kien interrogat minn detektivs fis-sajf tal-2014 wara li raġel avviċina lill-pulizija u qal li hu, fl-1985, kien suġġett għal abbuż sesswali bħala tfajjel u fejn semma lil Cliff Richard bħala ‘r-responsabbli’. Minn dak iż-żmien, żewġ persuni oħra ressqu ilmenti simili lill-awtoritajiet iżda mifhum li l-pulizija warrbu talanqas każ minnhom.

Dan hu anki żmien diffiċli għal Cliff Richard peress li għadu jħoss ħafna t-telfa tal-kantanta Cilla Black ( ħabiba kbira tiegħu) li mietet is-sena l-oħra u tan-neputija tiegħu, li mietet riċentement mill-kanċer.