Lokali

Imut l-eks Direttur Ġenerali tal-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali

Tħabbret il-mewt tal-eks Direttur Ġenerali tal-Fondazzjoni għall-Istudji Internazzjonali Salvino Busuttil. Hu miet ilbieraħ fl-età ta’ 80 sena.

Busuttil, li kien Ekonomista u Filosofu, serva wkoll bħala Direttur tal-Korporazzjoni għall-Iżvilupp u anke bħala Dean tal-Fakultà tal-Atti fl-Università ta’ Malta.

Hu serva wkoll f’diversi pożizzjonijiet fi ħdan l-Unesco u anke bħala Viċi President taċ-Ċentru tal-Mediterran dwar id-Drittijiet Umani, kif ukoll Chairman tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali u tal-Proġett ta’ Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta.

Sadanittant, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta’ Salvino Busuttil u anke ta’ Joe Saliba, l-ewwel President tal-Malta Dockers’ Union, li wkoll miet ilbieraħ. Il-Partit Nazzjonalista wassal il-kondoljanzi lill-Familji Busuttil u Saliba f’dan il-mument diffiċli.