Lokali

“Inroddu lura l-valur tas-sewwa” – Mario Demarco

L-iktar ħaġa importanti fil-politika hi l-valur tas-sewwa. Iżda bħalissa fuq pajjiżna tirrenja sħaba sewda u għalhekk il-Partit Nazzjonalista jrid iġib lura l-valur tan-normalita, il-valur tas-sewwa, biex mill-ġdid jirrenjaw il-prinċipji bażiċi ta’ demokrazija.

Qal dan il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-ħidma fil-partit, Mario Demarco, li fid-diskors tiegħu qabbel kif il-Partit Nazzjonalista ha t-tagħlima mill-aħħar elezzjoni ġenerali u beda jbiddel, waqt li l-fiduċja tal-poplu telgħet għal ras Moseph Muscat, li kiser kull wegħda li kien għamel.

Joseph Muscat injora l-għajta tan-nies u naqas milli jieħu deċizjonijiet fid-dawl tal-iskandlu tal-Panama Papers tant li Konrad Mizzi u Keith Schembri żammew posthom. L-istess Joseph Muscat anke lil niesu fi ħdan il-partit qalilhom jisktu u jivvutaw favur Konrad Mizzi fil-Parlament.

Filwaqt li indirizza lil min ta l-fiduċja lil Joseph Muscat fl-aħħar elezzjoni, Mario Demarco għamilha ċara li t-tort mhux tagħhom, iżda ta’ Joseph Muscat li dawwar dik il-fiduċja fi sfiduċja. Issa, Muscat qed jipprova jitfa’ dell ikrah fuq il-politiċi kollha.

Il-politika hi ta’ servizz, stqarr Mario Demarco, li qal li hu u ħafna oħrajn, jinsabu fil-politika b’rieda tajba, jinsabu fil-politika biex joffru servizz, biex jaqbżu għal min hu bla vuċi.

Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista ppublika erba’ dokumenti, u kien l-uniku partit fl-oppożizzjoni li ppreżenta proposti għall-baġit, għaliex mill-Oppożizzjoni xorta waħda qed jaħdem biex iġib il-ġid għal pajjiżna u l-poplu Malti.

Fid-dawl ta’ dan għamilha ċara li l-attakki personali u gideb fuqu u fuq esponenti oħra tal-Partit Nazzjonalista, mhux se jdagħjfuh izda jsaħħuħ iżjed minn qatt qabel.