L-aktar kmandant militari mlaħħaq tal-Hezbollah li kien involut fil-gwerra tas-Sirja spiċċa maqtul fi splużjoni kbira qrib l-ajruport ta’ Damasku. Dan il-kap hu akkużat bħala protagonista fl-assassinar tal-eks-Prim Ministru tal-Libanu, Rafik Hariri, li kien seħħ f’Bejrut, fl-2005.
Il-mewt ta’ Mustafa Amine Badreddine kien irrappurtat mill-grupp tal-militanti Xiti Lebaniżi li qed jappoġġja lill-qawwiet tal-President Sirjan Bashar al-Assad fil-konflitt ċivili tas-Sirja. Intant, il-Hezbollah qed jiċħad li Badreddine spiċċa eliminat waqt azzjoni tal-qawwiet Iżraeljani.
It-Televiżjoni al-Mayadeen tal-Libanu, fl-ewwel rapporti, qalet li Badreddine, li kellu 55 sena, spiċċa maqtul ‘waqt attakk minn ajruplani militari ta’ Iżrael’. Madankollu, l-Iżraeljani ma ħarġu l-ebda kummenti dwar ir-rapport.
Jinqatel kmandant militari ewlieni tal-Hezbollah
