Lokali Qorti

Jisirqu karozza biex jinqabdu u jintbagħtu qabel għar-rijabilitazzjoni tad-droga

Koppja li tbati mill-vizzju tad-droga wettqu serqa sabiex jinqabdu u b’hekk jingħataw preċedenza biex jidħlu fi programm ta’ rijabilitazzjoni tad-droga wara li kienu qalulhom li jridu jistennew għaxart’ijiem.

Dan ħareġ dalgħodu fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella fejn Alan Caruana ta’ 36 sena u Ruth Borda ta’ 33 sena, wieġbu mhux ħatja li serqu karozza tat-tip Peugeot 406 f’Marsaskala u li kien fiha laptop, camera u telefon ċellulari u li huma reċidivi.

Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Josric Mifsud spjega li l-koppja ikkollaborat bis-sħiħ mal-Pulizija, ma kkaġunaw ebda ħsara fuq il-vettura u l-oġġetti li kien hemm fiha ma ntmissewx. Huma waqfu immedjatament malli ltaqgħu mal-pulizija.

L-Ispettur kompla li l-akkużati kellhom bżonn attenzjoni medika tant li kienu qed jirċievu għajnuna medika f’dawn l-aħħar jumejn qabel ma setgħu jitressqu l-Qorti. Hu qal li l-interess tal-Prosekuzzjoni hu li jibdew programm ta’ rijabilitazzjoni u t-tnejn li huma għandhom rieda qawwija li jeħilsu mill-vizzju tad-droga.

Ruth Borda qalet li ppruvaw japplikaw għal programm ta’ trattament iżda qalulhom biex jirritornaw fi żmien għaxart ijiem.

“Aħna ridna li jaqduna, għandna bżonn il-methadone,” qalet Borda “M’għamilna ebda ħsara fil-karozza u soqna bil-mod sakemm jarawna u ninqabdu”

L-Avukat tal-għajnuna legali Simon Micallef Stafrace talab għal ħelsien mill-arrest fejn sostna li l-aħjar soluzzjoni hi li jsegwu programm residenzjali ta’ rijabilitazzjoni mid-droga.

Wara li qieset iċ-ċirkostanzi tagħhom, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-liberta’ proviżorja u rakkomandat lid-Direttur tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin sabiex jintbagħtu fi programm ta’ rijabilitazzjoni mill-iktar fis.